Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsillieri tal-PN iridu proġett fil-Pjazza mill-Melliħin għall-Melliħin

Il-Kunsillieri Lokali eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa ddikjaraw li jaqblu li jkompli jissebbaħ il-lokalità tagħna, fil-kuntest ukoll tal-Pjazza tal-Mellieħa.

Il-Minority Leader Ivan Castillo u l-Kunsillieri Marvin Abela, Gabriel Micallef u Emvin Bartolo qalu li dan hu meħtieġ, ladarba l-Pjazza dejjem kienet iċ-ċentru li toffri kenn u spazju fil-lokalità ħalli r-residenti jiltaqgħu b’mod soċjali f’diversi attivitajiet reliġjużi u oħrajn organizzati minn diversi għaqdiet, kif ukoll tal-Kunsill stess, f’post fejn jiltaqgħu u jsir xogħol volontarjat, kif ukoll bħala ċentru kummerċjali.

Il-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista komplew li ladarba din il-pjazza hija tal-Melliħin kollha, għandhom ikunu nvoluti r-residenti kollha tal-lokalità ħalli verament jaraw li l-proġett jkun mill-Melliħin għall-Melliħin.

Għaldaqstant, huma għamlu appell għal konsultazzjoni ferm aktar wiesgħa mal-poplu kollu Mellieħi, kif ukoll mal-għaqdiet u s-settur kummerċjali, biex kull persuna jkun informat b’dak li ser jsir u, jekk xi persuna jkollha mistoqsija, idea, proposta jew ħsieb, ikollha l-mezz li tagħmel dan. B’hekk, id-drittijiet tal-poplu Mellieħi jkunu ndirizzati b’mod ġust.

Wara dan, għandu jsir rapport pubbliku dwar dak kollu li ġie diskuss u kif ser jiġi indirizzat ħalli jkun assigurat li l-proġett ikun verament mill-Melliħin għall-Melliħin.