Lokali

Il-kuntratt ta’ San Vinċenz: “falliment fl-integrità”

Dawk kollha involuti – mill-politiku li jieħu d-deċiżjoni sal-uffiċjal pubbliku li jagħti l-kuntratti tal-Gvern – mhux biss għandhom ikunu kompetenti, iżda fdati biex jaġixxu fl-aħjar interess tal-pajjiż kollu.

Dan hu l-appell li joħroġ fl-Editorjal tat-Times of Malta, li tratta d-diversi kuntratti pubbliċi difettużi li ngħataw fl-aħħar snin, fosthom il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi, il-Power Station tal-Electrogas u issa l-kuntratt fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

Dwar dan tal-aħħar, l-Editorjal jgħid li kien sinjal ċar ieħor ta’ nuqqas ta’ integrità u sors ieħor ta’ sparpaljar ta’ flus il-poplu. Kien ikkritikat il-fatt li l-Gvern ma jidhirx li għandu interess jieħu azzjoni biex iżomm lil xi ħadd akkontabbli. Minflok, qed tibqa’ tkun ripetuta r-risposta li dan il-proċess kien meħtieġ.

L-Editur jgħid li f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-konsegwenzi finanzjarji, politiċi u fuq ir-reputazzjoni huma kbar ħafna u l-pajjiż ma jaffordjahomx. Dan aktar u aktar meta jkun hemm sens ta’ familjarità bejn in-nies involuti, li aktarx tispiċċa bażi ta’ serq ta’ flus u tixħim.

Il-ġurnal jappella biex l-uffiċjali involuti jkollhom il-kompetenza li jassessjaw il-ħtiġijiet u jippjanaw in-nefqa, filwaqt li jżommu mal-pjan finanzjarju li jkollhom. Meta dan ma jseħħx biex ikun aġevolati xi kuntrattur partikolari, ikun ifisser li l-proċess hu korrott.

L-editur jistaqsi kemm-il għexieren ta’ miljuni setgħu jkunu ffrankati minn flus il-poplu u minflok, jintużaw fi proġetti aktar meħtieġa, li kieku l-kuntratti ngħataw b’mod integru. Fuq kollox, jistaqsi kemm aktar żmien il-poplu se jkollu jittollera din il-kultura ta’ impunità.