Lokali Unjoni Ewropea

‘Jekk ma ngħinux lill-ġurnalisti, se npoġġu f’riskju li l-professjoni tispiċċa’ – David Casa

“Ma nistgħux nibqgħu nipposponu dak li hu ovvju għal kulħadd: il-ġurnalisti fl-Ewropa mhux biss qed ikunu mhedda fiżikament, imma l-futur tagħhom jinsab f’riskju minħabba diversi sfidi finanzjarji li qed jiffaċċjaw: kemm SLAPPs, imma anke b’mod riċenti minħabba t-tnaqqis fir-reklamar minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tifhem li din hi sfida reali, u li hemm bżonn azzjoni urġenti. Jekk l-UE mhux se tkun katalist biex tgħin ġurnalisti u kmamar tal-aħbarijiet fl-Ewropa, se npoġġu l-professjoni f’riskju li tispiċċa darba għal dejjem.”

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Malti David Casa qal dan waqt li ndirizza seminar organizzat mill-Free Press Unlimited, bl-isem ta’ Defending Media Pluralism’. Diversi ġurnalisti Ewropej attendew is-seminar, li kien indirizzat ukoll minn MEPs oħra mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-Midja. Is-seminar inkluda wkoll preżentazzjoni tal-inizjattivi li ħadet f’dan ir-rigward il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza Věra Jourová.

Fl-indirizz tiegħu, l-MEP Casa tkellem dwar l-importanza tad-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn leġiżlaturi, ġurnalisti u s-soċjetà ċivili. “Qatt ma kienet faċli li tkun ġurnalist. Li tinvestiga lil min hu fil-poter jista’ jkun xogħol li ma tkunx rikonoxxut għalih. U aktar ma jgħaddi ż-żmien, qed isir aktar perikoluż,” qal Casa, filwaqt li spjega li s-sitwazzjoni finanzjarja għall-kmamar tal-aħbarijiet iż-żgħar qed issir dejjem aktar vulnerabbli.

Filwaqt li għamel referenza għal Daphne Caruana Galizia, David Casa qal li l-Unjoni Ewropea għandha tipprevjeni ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-qtil tagħha, milli jseħħu xi mkien ieħor. “Hu proprju meta l-ġurnalisti jkunu iżolati li jkunu l-aktar vulnerabbli. Hu meta l-istituzzjonijiet jkunu maħtufa. Meta dawn jipproteġu l-interessi tan-negozjanti u politiċi korrotti flok jagħmlu xogħolhom, l-ġurnalisti jkunu l-aktar f’riskju.”

L-MEP Casa irringrazzja lill-kollegi mill-gruppi politiċi differenti fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-Midja. “Minkejja d-differenzi politiċi fuq temi oħra, aħna dedikati li nassiguraw il-pluraliżmu fil-midja, noħolqu ambjent favorevoli għall-midja lokali u indipendenti, u biex nillimitaw l-attentati tal-gvernijiet li jikkontrollaw u jisfruttaw il-midja għall-benefiċċju tagħhom.”

F’referenza għas-sigurtà, Casa qal li filwaqt li tkun xewqa li niggarantixxu s-sigurtà tal-ġurnalisti b’mod assolut, din hi xi ħaġa li rridu naħdmu għaliha. Kelliema oħra għamlu referenza għall-pajjiżi bħall-Italja, li b’suċċess huwa pajjiż li ilu jipprovdi protezzjoni lill-ġurnalisti li jinvestigaw il-kriminalità organizzata.

“Ma jista’ qatt ikollna miżuri nofs triq meta niġu biex nipproteġu lill-ġurnalisti,” temm jgħid Casa.