Lokali

L-inċineratur propost mill-Gvern hu proċess ivvizzjat ieħor – il-PN

Il-Gvern jirrifjuta li jiddiskuti din il-materja fil-Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar

Il-proġett propost mill-Gvern għall-inċineratur fil-Magħtab jidher li bħal numru ta’ proġetti oħra kkummissjonati minn dan il-Gvern telaq fuq sieq ħażina. Dan għaliex fl-aħħar jiem sar magħruf li l-istudju dwar l-impatt ambjentali, li ilu lest ix-xhur, sar minn persuna mqabbda millWasteserv u li issa sirna nafu skont l-Awtoritá tar-Riżorsi (ERA) li għandu kunflitt ċar ta’ interess.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar u l-Kelliem għall-Gvern Lokali, Wirt Nazzjonali u ż-Żgħażagħ Karl Gouder.

Robert Cutajar fl-intervent tiegħu filwaqt li aċċenna li dan il-proċess hu vvizzjat, meta l-Gvern għażel il-post qabel ma kellu l-istudji f’idejh, huwa staqsa min se jkun qed jieħu r-responsabiltá politika u amministrattiva għal dan l-istudju ambjentali (EIA) li issa ġie null. Dawn huma flus minfuqa għalxejn għax l-istudju dwar l-inċineratur qed jerġa jsir mill-ġdid. Staqsa wkoll jekk il-Gvern hux se jagħti garanzija li t-timeframes u l-miri se jintlaħqu? U jekk le, il-multi min se jidħol responsabbli għalihom? Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista semma wkoll kif il-Gvern ma tax garanzija dwar il-flora u l-fawna fil-baħar tal-madwar minħabba l-cooling system li se jkollu bżonn dan l-inċineratur. Robert Cutajar semma kif il-gvern għadu fiċ-ċans li juża sistema ta’ tħammil tal-art. Sistema li qed tintuża f’miżbla li ma għadhiex tintuża f’Ħal Luqa u jekk dan isir ikun ifisser li tittieħed inqas art agrikola, b’inqas impatt ambjentali.

Fl-aħħar jiem fil-parlament il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista talab biex din il-materja tkun diskussa fil-kumitat permanenti dwar l-ambjent u l-ippjanar madankollu ċ-Chairman Joe Mizzi qed jevita diskussjoni billi rrifjuta t-talba tal-Oppożizzjoni. Din it-talba saret fil-preżenza talMinistru tal-Ambjent Aaron Farrugia li iżda baqa’ sieket. Madankollu f’sitwazzjonijiet simili meta chairman kien hemm Alex Muscat, fl-istess amministrazzjoni, talbiet simili ntlaqgħu biex issir diskussjoni fuq suġġetti varji, fosthom il-fishfarms, is-Central Link u l-iskart talkostruzzjoni.

Min-naħa tiegħu Karl Gouder saħaq li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex ikisser u jfarrak il-Kunsilli Lokali, mhux hekk biss imma llum il-ġurnata mhu qed issir ebda konsultazzjoni mall-Kunsilli Lokali. Karl Gouder kompla jgħid li l-gvern qed iħalli l-kunsilli lokali fl-għama. Kull ma jmur, il-gvern qed inaqqas mir-responsabilitajiet tal kunsilli Lokali. Issa qegħdin fi stat fejn il-kunsilli li ma jistgħux jiffunzjonaw minħabba li l-gvern ma jridx jiftehem massegretarji eżekuttivi. Gvern ġdid Nazzjonalista ser ibiddel dan u se jara li jagħti aktar saħħa u riżorsi lill-Kunsilli u lir-reġjuni taghna.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku tan-Naxxar AnneMarie Muscat Fenech Adami u Marianne Cuomo kunsilliera responsabbli minn Baħar iċ-Ċagħaq, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat u l-Viċi Sindku Mary Anne Abela, li hi wkoll il-Kunsillier responsabbli mill-Madliena, kif ukoll il-Kunsillier Edgar Rossignaud u Graziella Galea li hi Minority Leader f’San Pawl il-Baħar.