Lokali

L-MCYN taqbel ma’ dekriminalizzazzjoni għall-adulti u kampanja edukattiva dwar il-kannabis

Il-Malta Catholic Youth Network (MCYN), entità tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li taħdem
maż-żgħażagħ, ippublikat dokument ta’ pożizzjoni bħala parti mill-proċess ta’
konsultazzjoni tal-Gvern għall-White Paper “Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu
Responsabbli tal-Kannabis”.

L-MCYN, li tirrappreżenta ’l fuq min 100 għaqda taż-żgħażagħ u li matul is-snin appoġġjat
bis-sħiħ attivitajiet rikreattivi li jgħinu l-iżvilupp taż-żgħażagħ u l-bini tal-komunità, hija
kontra l-użu ta’ sustanzi psikoattiva u/jew ta’ ħsara, legali jew illegali.

Il-preokkupazzjoni primarja dwar din il-White Paper hi li tista’ twassal
għan-normalizzazzjoni u l-popolarizzazzjoni tal-użu tal-kannabis fost l-adolexxenti u
ż-żgħażagħ li jistgħu jiġu mqarrqa billi jemmnu li l-użu tal-kannabis m’għandux effetti
ħżiena.

L-MCYN tgħid li l-White Paper ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-benefiċċji u l-perikli
tal-kannabis rikreattiva u dik mediċinali billi titkellem dwarhom daqslikieku l-benefiċċji u
l-perikli huma ndaqs. Tisħaq li r-riskji u l-benefiċċji ta’ din is-sustanza psikoattiva
m’għandhomx jiġu ppreżentati fuq bażi ugwali.

L-MCYN taqbel mad-dekriminalizzazzjoni fejn jidħol użu personali minn adulti biex dawk
dipendenti mis-sustanza ma jingħatawx sentenza ta’ ħabs iżda l-opportunità li jfittxu
l-għajnuna minn riskju ta’ vizzju. Fl-istess waqt tisħaq dwar kampanja edukattiva li
tgħallem il-miżuri preventivi li wieħed għandu jieħu biex jibqa’ ’l bogħod minn sustanzi
bħall-kannabis.Tgħid li l-leġiżlazzjoni għandha tagħmel dispożizzjonijiet li mhux biss jissalvagwardjaw
il-minuri u jnaqqsu l-użu tal-kannabis fost il-minuri, iżda wkoll jipproteġu u jappoġġjaw
adulti li għandhom riskju ogħla li ssirilhom il-ħsara. Dan b’mod partikolari meta jitqies li
l-istudji xjentifiċi juru li l-użu tal-kannabis minn żgħażagħ taħt l-età ta’ 21 sa 25 iżid ir-riskji
tal-effetti ta’ ħsara ta’ din is-sustanza.

Id-dokument ta’ pożizzjoni hu aċċessibbli hawn.