Hekk kif illum tfakkar il-Jum Dinji tal-Infermieri, il-President tal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace faħħar l-impenn ta’ dawn il-professjonisti, li qal li jammontaw għal madwar 85% tal-professjonisti fil-qasam tas-Saħħa.
Hu kkwota wkoll messaġġ mill-Kunsill Internazzjonali tal-Infermieri, li sellem lis-27 miljun Infermier madwar id-dinja kollha għall-kompetenza tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet.
Min-naħa l-oħra, kien innotat ukoll kif, sfortunatament, il-pandemija ħalliet lil madwar 80% tal-infermieri jbatu minn stress u problemi mentali oħrajn. Kien għalhekk li l-MUMN issuġġeriet programm speċjali ta’ għajnuna għal dawn il-professjonisti biex tkun indirizzata din il-problema.
Paul Pace qal li quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, hu ż-żmien li aktar żgħażagħ ikunu mħeġġa jidħlu għal dawn il-professjonijiet, partikolarment meta f’pajjiżna s-sitwazzjoni mhix sostenibbli bl-ammont kbir ta’ infermieri barranin u n-nuqqas ta’ infermieri Maltin.
Dwar il-pandemija, il-President tal-MUMN qal li s-sena li għaddiet, l-infermieri kienu mbeżżgħin li bil-miżuri li kienu qed jittieħdu, seta’ jiġrilna bħalma llum qed naraw jiġri f’pajjiżi bħall-Indja. Madankollu, hu rrikonoxxa li – bl-għajnuna ta’ kulħadd – is-sitwazzjoni llum hi ħafna aħjar.
//= $special ?>