EURO 2020 Sport

Laporte se jilgħab fil-Euro 2020…ma’ Spanja u mhux Franza

Aymeric Laporte

Lejliet il-bidu tal-Euro 2020, Spanja mistennija tagħmel akkwist importanti ta’ plejer li baqa’ jkun miċħud minn pajjiżu biex jifforma parti mit-tim nazzjonali Franċiz taħt it-tmexxija ta’ Didier Deschamps. Aymeric Laporte, id-difensur ċentrali ta’ 26 sena li jilgħab maċ-champions il-ġodda fl-Ingilterra, Manchester City, għadu kemm ingħata ċ-ċittadinanza Spanjola mill-Gvern tal-pajjiż, u skont ir-regoli tal-FIFA, l-eks plejer ta’ Athletic Bilbao, jista’ jkun mgħajjat immedjatament biex jilgħab għal Spanja.

Il-kwalitajiet tekniċi ta’ Laporte huma apprezzati ferm mill-kowċ nazzjonali Spanjol, Luis Enrique u għalhekk hu mistenni li dan il-plejer se jkun qed jintgħażal fl-iskwadra ta’ 26 plejer li Spanja se tkun qed tagħżel għall-Euro 2020.

Għalfejn Laporte se jkun jista’ jilgħab ma’ Spanja meta hu Franċiż?

Laporte qatt ma lagħab mat-tim nazzjonali Franċiz għalkemm f’Ottubru tal-2016, hu kien mgħajjat mill-kowċ Deschamps għall-partiti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018, kontra l-Olanda u l-Bulgarija rispettivament. Fiż-żewġ partiti rispettivi, Laporte kien fost il-plejers ta’ riserva iżda qatt ma lagħab.

F’Marzu tal-2017, Franza saħansitra lagħbet logħba ta’ ħbiberija kontra Spanja, f’Stade de France, u li huma tilfu bl-iskor ta’ 2-0, u dak in-nhar, Laporte reġa’ kien mgħajjat fost ir-riservi ta’ Franza iżda reġa’ ma lagħbx. Laporte rrapreżenta lil Franza fil-livel ta’ tim nazzjonali fil-kategoriji ta’ taħt is-17, it-18, id-19 u l-21 sena.

Laporte se jkun jista’ jilgħab għal Spanja, grazzi għall-bidla fir-regoli tal-FIFA li tippermetti lill-plejers li lagħbu biss numru limitat ta partiti sal-età ta’ 21 sena biex jibdlu l-pajjiż li jirrappreżentaw. Id-difensur ta’ Manchester City twieled f’Agen, fi Franza u fl-2010 issieħeb lil Athletic Bilbao fi Spanja, fejn dam jgħix f’dan il-pajjiż għal tmien snin. Fl-2018 hu ssieħeb lil Manchester City.

Aymeric Laporte bil-flokk u l-faxxa ta’ captain ma’ Franza, meta kien jilgħab mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena.

Għalfejn Deschamps baqa’ jirrifjuta li jilgħab lil Laporte ma’ Franza?

Laporte hu xellugi, u jidher li din hi r-raġuni primarja għalfejn Deschamps baqa’ jirrifjuta li jinkludi lil da nil-plejer fl-għażliet tiegħu. Dan għaliex simili għal Laporte, Franza għandhom plejers bħal Samuel Umtiti, Clement Lenglet u Presnel Kimpembe.

B’Laporte plejer tat-tim nazzjonali Spanjol, hu mistenni li jagħti kompetizzjoni lid-difensur ċentrali ta’ fuq ix-xellug, Pau Torres, li jilgħab ma’ Villarreal.