Lokali Parlament

Marlene Farrugia tressaq abbozz ta’ liġi biex tiddikriminalizza l-abort

Id-deputat indipendenti u ex deputat Laburista Marlene Farrugia llejla ressqet abbozz ta’ liġi fil-parlament u fih pproponiet li l-abort ikun dikriminalizzat.

Biex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha, Marlene Farrugia qalet li Malta hi l-uniku pajjiż fl-UE li fiha l-abort għadu mhux legali.

L-abbozz ta’ liġi mressaq mid-deputat Marlene Farrugia kien sekondat minn żewġha, id-deputat indipendenti u ex Ministru Laburista Godfrey Farrugia. F’diskors li għamlet meta ppreżentat l-abbozz, Marlene Farrugia argumentat favur id-drittijiet tan-nisa u qalet li dawn ma jkunux slavagwardjati billi n-nisa jintbgħatu l-ħabs meta jwettqu abort.

Hi sostniet li l-ebda tabib m’għandu jiffaċċja passi kriminali jekk jagħti assistenza medika lil min irid iwettaq abort f’Malta. Marlene Farrugia qed tipproponi li ma tibqa’ illegali li persuna tiffaċilità t-tmiem ta’ tqala.

Ftit minuti wara li tkellmet Marlene Farrugia, numru żgħir ta’ attivisti favur l-abort inġabru barra l-parlament jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħha.