Lokali Parlament

M’għandux ikun hawn zoos f’Malta

Mario Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li f’Malta m’għandux ikun hawn zoos li fihom jinżammu annimali eżotiċi.

Fl-Aġġornament tal-parlament Mario Galea tkellem fuq id-drittijiet tal-annimali u sellem lill-Kummissarju tal-Annimali Alison Bezzina għall-ħidma li qed twettaq f’dan is-settur. Hu wera solidarjetà mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali u l-Kummissarju għat-Tfal wara li kienu attakkati mill-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u Nassaba (KFNK) għaliex qalu li fejn ikun hemm kaċċatauri bl-armi m’għandux ikun hemm tfal.

Mario Galea qal li hawn eluf li jħobbu l-annimali u qed jappoġġjaw lill-Kummissarju Aison Bezzina. Hu sellem ukoll lil mart il-Prim Ministru Lydia Abela u lit-tifla tagħhom li wkoll jħobbu l-annimali u sostna li l-pajjiż għandu bżonn iktar persuni li jħobbu l-annimali.

Dwar iz-zoos tal-annimali, Mario Galea qal li għandu jibda programm biex kull annimal f’zoo jew annimali msakkra jiġu reġistrati u bi strateġija biex iż-zoos jispiċċaw f’Malta. Il-pajjiż m’għandux postijiet fejn dawn jintelqu fis-salvaġġ u għalhekk iridu jkunu esportatati lejn Malta. Dawn l-annimali qed ikunu mwielda f’Malta u jkunu kundannati biex jgħixu msakkra ġo zoo jew miżmuma fuq xi bejt.

Id-deputat Nazzjonalista qal li d-deputati huma buffi tal-kummiedja għax qed jaċċettaw li fil-pajjiż ikun hawn anninali eżotiċi li mhux suppost jinżammu f’Malta. Għandu jkun jkun hemm pieni iesba, multi u ħabs għal min iżomm u jimporta dawn l-annimali eżotiċi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern jibża’ mis-sidien taż-zoos u issa reġa’ aċċetta l-club petting; l-annimal qed issirilhom ħsara b’dan. F’Malta m’hawnx spazji biżżejjed biex isiru zoos, sostna Mario Galea, li kompla li l-annimali mhux qed jinfirdu minn xulxin meta fis-salvaġġ dawn ikunu avversarji ta’ xulxin.

L-annimali qed jgħixu b’ansjetà u biża’ fiż-zoos iżda f’Malta jsiru t-tiġijiet f’dawn il-postijiet!, sostna Mario Galea, li appella biex jitwaqqfu l-festini u t-tiġijiet f’dawn il-postijiet.

Mario Galea tkellem ukoll dwar il-Jum Internazzjonali dedikat lill-Infermiera u sellem lill-infermiera u lill-qwiebel għas-sehem kbir u kruċjali fil-pandemija COVID 19 fejn jinsabu fuq quddiem f’dan il-perjodu.

Huma l-infermiera li jgħaddu l-aktar ħin mal-pazjenti u għalhekk l-aktar li jkollhom kuntatt mal-pazjenti bil-COVID 19. Dan jistabilixxi li l-infermiera huma fost l-aktar li jkollhom kuntatt mal-pazjenti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hu stmat li żewġ miljuni front liners kienu infettatati bil-COVID 19; il-maġġoranza tagħhom kien infermiera. Diġà mietu 3,000 infermiera sal-aħħar ta’ Jannar 2021 bil-COVID 19 madwar id-dinja. Mario Galea sostna li l-infermiera huma l-eroj siekta.