Internazzjonali

Stati Uniti: Joqtol sitta għaliex ma kienx mistieden għal festin

Raġel li qatel sitta min-nies waqt party għal tliet membri ta’ familja li kienu qed jiċċelebraw għeluq sninhom qed jingħad li wettaq ir-reat għaliex ħassu urtat mill-fatt li hu ma kienx mistieden għall-festin.

Il-pulizija fl-Istat ta’ Colorado qalu li Teodoro Macias qatel lit-tfajla tiegħu u ħames membri tal-familja inkwistjoni qabel ikkommetta suwiċidju bl-arma li ntużat fid-delitt. L-attakk seħħ fil-Canterbury Mobile Home Park f’Colorado Springs – bil-każ isir anqas minn xahrejn wara l-isparatura tal-massa li ħalliet ħdax mejtin f’ħanut tal-merċa fil-belt ta’ Boulder (f’Colorado).

Il-pulizija qalu li – jiem qabel l-isparatura – Macias kien spiċċa involut f’tilwima mal-familja inkwistjoni u li hu ‘kien jgħir għat-tfajla tiegħu’.