EURO 2020 Sport

Virgil van Dijk mhux se jilgħab fil-Euro 2020

(Ritratt: Virgil Van Dijk)

Id-difensur Olandiż ta’ Liverpool Virgil van Dijk mhux se jkun parti mill-iskwadra Olandiża msejħa għall-EURO 2020, wara li kkonferma mas-sit ta’ Liverpool FC li mhux se jkun preparat fiżikament biex jilgħab fil-kompetizzjoni li se tibda ftit anqas minn xahar ieħor.

Van Dijk tilef il-maġġoranza tal-istaġun wara li weġġa’ l-anterior crucitate ligament (ACL) fid-derby ta’ Merseyside kontra Liverpool, lura f’Novembru tas-sena li għaddiet. Id-difensur ta’ 29 sena stqarr li hu se jkun preparat biex jieħu sehem fil-preseason ma’ Liverpool, bil-kompetizzjoni tal-EURO 2020 tiġi kmieni wisq, fil-programm ta’ rijabilitazzjoni għal dan il-plejer.

Virgil Van Dijk fl-inċident ma’ Jordan Pickford li wassal għall-injury tal-anterior cruciate ligament (ACL), b’kosnegwenza li tilef il-kumplament tal-istaġun.

Van Dijk kien parti kruċjali għal Liverpool u captain tat-tim nazzjonali Olandiż, f’tim Olandiż li rnexxielu jagħmilha għall-fażi finali tal-kompetizzjoni b’tim żagħżugħ, wara li naqsu milli jikkwalifikaw fl-edizzjonijiet tal-EURO 2016 kif ukoll fit-Tazza tad-Dinja tal-2018.

MInkejja dan Virgil van Dijk jinsab ottimist li tim nazzjonali ta’ pajjiżu se jirnexxielu jikseb riżultati pożittivi fl-EURO 2020, filwaqt li jħares ‘l quddiem għas-suċċessi li jistgħu jiksbu fit-18-il xahar li ġejjin.

Fin-nuqqas ta’ Van Dijk, min se jkun il-captain Olandiż u min se jilgħab ċentrali fid-difiża tal-oranġo?

Il-kollega ta’ Van Dijk ma’ Liverpool, Georginio Wijnaldum mistenni jkun il-captain suċċessur tal-Olanda tul il-partiti tal-Euro 2020. Bla dubju, in-nuqqas ta’ Van Dijk se jinħass mhux ftit fid-difiża Olandiża, u l-probabiltá hi li l-kowċ nazzjonali Frank De Boer jagħżel li jilgħab bid-duo ċentrali difensiv li jkunu Matthijs de Ligt u Nathan Ake.

Nathan Ake (numru 5) u Matthijs de Ligt (numru 3) mistennija jkunu ż-żewġ difensuri ċentrali tal-Olanda, fin-nuqqas ta’ Virgil van Dijk għall-partiti tal-Euro 2020.