Lokali

40 sena mill-attentat fuq ħajjet Ġwanni Pawlu II

Kien ezatt 40 sena ilu, fit-13 ta’ Mejju tal-1981, meta fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan kien seħħ attentat ta’ qtil fuq il-Papa Ġwanni Pawlu II.

F’Mejju ta’ 40 sena ilu…. ftit iktar minn sentejn minn meta ġie elett bhala il-264 Papa fl-istorja tal-Knisja Kattolika… Ġwanni Pawlu II kien ħareġ isellem lin-nies fi Pjazza San Pietru. U hemmhekk, seħħet l-isparatura li laqtitu f’żaqqu, f’minkbu tal-lemin u f’subgħu l-werrej ta’ idu x-xellugija.

Mal-isparatura, il-Papa Gwanni Pawlu II waqa’ fuq is-segretarju tiegħu ….u minnufih tqiegħed f’ambulanza li ħaditu malajr lejn l-isptar.

It-tobba kienu qalu li l-kundizzjoni tiegħu kienet kritika ħafna minħabba li kien tilef ammont kbir ta’ demm, u saħansitra kienu għamlulu l-griżma u tawh l-aħħar sagramenti, qabel ma ddaħħal għall-operazzjoni, li damet madwar 5 siegħat u nofs. L-operazzjoni kienet ta’ suċċess u dan għaliex l-ebda organu vitali ma kien intlaqat mill-bullet li ġiet sparata fid-direzzjoni tiegħu. Filfatt, il-Papa kien irkupra …ghalkemm qatta’ diversi xhur fl-isptar.

Ftit wara li sar l-attentat fuq hajtu, ħareġ l-isem tat-terrorista Tork li wettaq dan l-att….Mehmet Ali Agca. Hu kien spara fuq il-Papa sentejn wara li ħarab minn ħabz fit-Turkija, għax kien qatel editur ta’ gazzetta. Allegatament Ali Agca, kien tqabbad mis-servizzi sigrieti Bulgari biex iwettaq l-attentat iżda din l-informazzjoni qatt ma ġiet ikkonfermata.

Fis-27 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, il-Papa Gwanni Pawlu II kien żar il-ħabs fejn kien mizmum Ali Agca…u ħafirlu ta’ dak li għamel – mument li jibqa’ ittimbrat fil-memorja ta’ generazzjonijiet shah.