Lokali

Ċensiment li sa jagħti stampa ċara tas-soċjetà Maltija

Kulħadd Jgħodd. Dan huwa l-isem tat-18-il ċensiment li se jsir f’Novembru li ġej, bl-ewwel wieħed imur lura għas-sena 1842.

Iċ-Ċensiment isir darba kull għaxar snin, fejn din is-sena se tinġabar informazzjoni kemm fuq il-persuni kif ukoll fuq id-djar… bi 22 miljun karatteristika fuq il-persuni u informazzjoni fuq nofs miljun individwu. Dan l-eżerċizzju se jigi jiswa’ 3 miljun ewro.

Fil-preżentazzjoni tiegħu, Silvan Zammit mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li f’Ottubru li ġej kulħadd se jkun mitlub jieħu sehem f’dan iċ-ċensiment. Wieħed jista’ jimla’ il-kwestjonarju online, permezz tat-telephone, wiċċ imb’wiċċ jew inkella billi jintbagħat bil-posta. Biex persuna tiehu sehem fiċ-ċensiment trid tkun ilha 12-il xahar tgħix Malta jew ikollha l-intenzjoni li tagħmel 12-il xahar f’Malta.

Għall-ewwel darba se jkun possibbli li c-censiment isir f’erba’ lingwi differenti, il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan u l-Franċiż. L-informazzjoni se tinġabar minn 8,000 triq madwar Malta u Għawdex, fejn kull lokalita tinqasam f’numru ta’ areas iżghar li jikkorispondu għal bejn wieħed u ieħor mitejn dar.

Minn Settembru se jkun hemm freephone 1710 fejn kull min ikollu xi diffikulta, ikun jista’ jcempel u jingħata l-għajnuna li għandu bżonn. Dan filwaqt li l-online portal se jkun disponibbli minn Ottubru li ġej.

Fl-istess xahar se jintbagħtu iktar minn 220,000 ittra lil kull dar. Min ma jkunx jista’ jimla l-kwestjonarju online se jkun hemm perjodu fejn se jkun hemm persuni li se jduru d-djar, jew bit-telephone.

Silvan Zammit qal li l-evalwazzjoni u r-rapportaġġ tal-informazzjoni huwa proċess li jieħu ż-żmien iżda f’erba’ xhur jibdew jingħataw l-ewwel dettalji  ….u lejn l-aħħar tas-sena id-dieħla tingħata l-ewwel informazzjoni lill-Eurostat.  

Wara li jitlesta dan iċ-ċensiment tad-djar, huwa pjanat li jsir eżerċizzju ieħor ta’ ċensiment, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, fejn se tinġabar informazzjoni fuq il-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi.