EURO 2020 Futbol Sport

Gareth Southgate mgħejjun minn Google fl-analiżi u l-għażliet tiegħu għall-Euro 2020

Gareth Southgate

Il-kumpanija multinazzjonali tat-teknoloġija, Google qed tgħin lill-kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż, Gareth Southgate fil-preparazzjoni u l-għażliet tiegħu għall-Euro 2020. Rapporti fil-media Brittanika żvelaw kif Southgate qed juża’ software li tfassal apposta minn Google għall-bżonn tal-kowċ Ingliż, li janaliżża l-prestazzjoni ta’ kull plejer fil-pitch kif ukoll matul il-bqija tal-ġurnata, inkluż meta l-plejer ikun qed jieħu l-mistrieħ tiegħu.

Dan is-software speċjali qed jgħin biex tkun ipproċessata data fuq kull plejer fl-iqsar ħin possibli, speċjalment dwar dawk il-plejers Ingliżi li qed jilgħabu barra mill-Ingilterra. Google Cloud fasslet dan is-software bl-għajnuna tal-FA Ingliża u din it-teknoloġija ġdida, taqbad id-data analitika li jipprovdu wara kull partita, kumpaniji bħal Opta, Scout7 u BBC, u tgħaqqadha ma informazzjoni oħra dwar kull plejer, u li sintendi ikun hemm aċċess għaliha, biex toħroġ b’konklużżjonijiet li jgħinu lil Southgate fl-analiżi u d-deċiżjonijiet tiegħu fuq kull plejer.

F’kummenti lil CNBC, Southgate qal li l-plejer irid jaċċetta li jagħti permess għal ċertu dettalji, bħal per eżempju l-ħin u t-tul tal-irqad tiegħu, u meta din l-informazzjoni tkun ipprovduta, wieħed ikun jista’ jiġbor kollox flimkien u jkollu analiżi aktar kostruttiva.

“L-unika raġuni għalina li nsegwu dan id-dettall ta’ irqad, hu sabiex ngħinu lill-plejers b’soluzzjonijiet sabiex ngħinuhom jorqdu aħjar, għax ħafna mid-drabi, l-irqad ikun wieħed mill-indikaturi ewlenin fil-proċess meta plejer ikun qed jirkupra minn injury jew għajja. Meta tiġi f’turnament bħal m’hu l-Euro 2020, għalina l-irkupru huwa wieħed mill-elementi ewlenin fiżiċi li nistgħu nindirizzaw u nikkontrollaw,” żied jgħid Southgate.