Sport Sport Ieħor

Bosta ibliet fil-Ġappun iħabbru li mhux se jospitaw atleti waqt l-Olimpjadi

Bosta ibliet madwar il-Ġappun abbandunaw il-pjanijiet li jospitaw l-atleti tal-Olimpjadi minħabba l-firxa tal-pandemija tal-COVID-19 fil-pajjiż hekk kif il-pajjiż qed iwissi li fix-xhur li ġejjin jista’ jkun li jaffaċċja r-raba’ mewġa ta’ dan il-virus.

40 minn 500 belt li rreġistraw biex jospitaw lill-atleti waqt l-Olimpjadi ħabbru li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom. Nhar il-Ħadd li għadda, l-Ġappun irreġistra t-tieni l-ogħla rata ta’ każijiet pożittivi f’jum wieħed hekk kif kien hemm 7,766 każ, filwaqt li lbieraħ kienet irreġistrata l-ogħla rata ta’ mwiet f’jum wieħed, 123 mewta.

L-Olimpjadi huma skedati li jsiru bejn it-23 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu fejn minkejja ż-żieda fil-każijiet, l-istat ta’ emerġenza fil-Ġappun mistenni jintemm fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.