Internazzjonali

Għaddew 40 sena mill-attentat fuq il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II

L-attentat li sar 40 ilu fuq il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II waqt li hu kien qed isellem lin-nies fi Pjazza San Pietru (f’Ruma) qed ikun imfakkar illum, il-ġurnata tal-anniversarju. Il-każ kien ixxokkja lid-dinja bil-kbir u meta sallum għad fadal ħafna mistoqsijiet dwar l-attentat li falla u li kien ħalla lill-Papa midrub kritikament fost il-paniku u konfużjoni ta’ dak il-ħin.

Għaldaqstant, it-13 ta’ Mejju tal-1981 jibqa’ fost l-aktar jiem simboliċi fl-istorja moderna tal-Vatikan, b’ħafna jemmnu li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien ħeles mill-mewt b’miraklu. Dan meta t-tiri sparati dakinar mill-aggressur, Mehmet Ali Agca — ta’ nisel Tork — kienu laqtu lill-Papa f’żaqqu minkbejh u dirgħajh.

Mal-isparatura, il-Papa spiċċa jaqa’ direttament għal fuq is-segretarju tiegħu u minnufih ittieħed lejn l-isptar b’ambulanza fejn kien iddikjarat f’kundizzjoni kritika ħafna minħabba d-demm li kien tilef.

Is-sitwazzjoni kienet tant li Ġwanni Pawlu ingħata l-griżma u l-aħħar sagramenti, qabel it-tobba operaw fuqu b’suċċess. Sar magħruf, wara l-operazzjoni, li l-balal li laqtu lill-Papa evitaw l-organi vitali iżda l-Kap tal-Kattoliċi xorta kellu jqatta diversi xhur fl-isptar sakemm irkupra.

Sentejn qabel l-attentat, it-terrorista Ali Agca – membru tal-grupp estremista ‘Lupi Griżi’ – kien ħarab mill-ħabs fit-Turkija wara li kien ikkundannat għal priġunerija dwar il-qtil  ta’ editur ta’ gazzetta. Kien allegat ukoll li Ali Agca, tqabbad mis-servizzi sigrieti Bulgari biex iwettaq l-attentat fuq il-Papa, iżda din l-informazzjoni baqgħet mhix ikkonfermata sallum.

Fis-27 ta’ Diċembru tal-1981, il-Papa Gwanni Pawlu II żar il-ħabs fejn kien mizmum Ali Agca u ħafirlu għal dak li għamel – b’dak il-mument jibqa’ wieħed storiku, minbarra li ttimbrat fil-memorja kollettiva tal-ġenerazzjonijiet ta’ dak iż-żmien u anki ta’ wara.