Internazzjonali

Iċ-Ċina: Jipprojbixxu l-festini ta’ għeluq is-snin ‘bil-għan li jiffrankaw ’

Ir-reġjun ta’ Funing, fil-Lbiċ taċ-Ċina, mhux jippermetti aktar festini li jiċċelebraw għeluq is-snin ta’ xi ħadd wara li l-Gvern ċentrali komunista ħareġ direttiva stretta biex ir-reġjuni u d-distretti amministrattivi madwar il-pajjiż ‘iżommu riedni fuq l-infiq’.

Id-direttiva tapplika wkoll għal ċelebrazzjonijiet oħrajn – bil-Gvern ċentrali taċ-Ċina, taħt it-tmexxija tal-President Xi Jinping, qed ifassal regoli ġodda għal tiġijiet u funerali. Huma projbiti wkoll l-għotjiet ta’ flus bħala rigali li huma aktar mill-ekwivalenti ta’ 25 ewro.

Ir-regoli f’Funing japplikaw biss għall-membri kollha tal-Partit komunista, il-ħaddiema maċ-ċivil u l-kapijiet tal-entitajiet organizzativi fil-villaġġi. Mifhum, intant, li ħafna mir-residenti komuni huma eżenti mir-regoli.

Fiċ-Ċina hi drawwa tradizzjonali li n-nies jagħtu rigali ta’ flus waqt parties u riċevimenti. Iżda hu minnu wkoll li dawn ir-rigali kemm-il darba ntużaw biex ixaħħmu lill-organizzaturi tal-parties magħrufin għall-influwenza tagħhom.

Fl-2015, il-Partit komunista (fil-Gvern) taċ-Ċina kien ipprojbixxa lill-membri tiegħu milli joħorġu jieklu f’ristoranti lussużi u li jissieħbu fi klabbs privati ( inklużi tal-golf) bħala parti minn kampanja kontra l-korruzzjoni.