Futbol Sport

Il-finali tal-UEFA Champions League se ssir f’Porto

Il-UEFA ħabbret li l-finali tal-UEFA Champions League bejn Manchester City u Chelsea se tkun qed issir f’Estadio do Dragao f’Porto fil-Portugall. Dan wara li orġinarjament il-finali tad-29 ta’ Mejju kienet skedata li ssir f’Ataturk Stadium f’Istanbul fit-Turkija, iżda t-Turkija tpoġġiet fil-‘lista l-ħamra’, fil-lista ta’ pajjiżi maħruġa mill-Gvern Ingliż fejn in-nies mir-Renju Unit jistgħu jivvjaġġaw.

Il-ground fejn fih se tintlagħab il-finali jesa’ 50,000 spettatur, bil-Gvern Portugiż se jħalli 20,000 spetattur jattendi li jfisser li ż-żewġ clubs se jkunu allokati 6,000 biljett għall-finali. F’dan l-istaġun bħal fil-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Ewropa, fil-Portugall ma tħallewx jidħlu partitarji, bil-Kampjonat Portugiż iħabbar li fl-aħħar round ta’ partiti tal-istaġun se jitħallew jidħlu 10% ta’ kemm jesa’ l-istadium.

Fl-aħħar jiem il-Gvern Ingliż offra li jospita l-finali tal-UEFA Champions League f’Wembley Stadium, bil-UEFA prefiriet li ssir fl-Ingilterra iżda ma setgħatx tagħmel dan minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern Ingliż.