Lokali Qorti

Kumpens ta’ €75,000 fuq propjetà li nbidlet f’każin tal-PL f’Raħal Ġdid

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Awtorità tad-djar tgħaddi kumpens ta’ €75,000 lis-sidien ta’ propjetà f’Raħal Ġdid li nkiser id-dritt tagħhom għat-tgawdija tagħha meta fl-1973 din kienet ingħatat b’kera biex tiġi konvertita f’każin tal-Partit Laburista.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef laqgħet talba ta’ Rosette Fenech u Edgar Galea li nkiser id-dritt fundamentali għat-tgawdija bil-kwiet ta’ ġid jew possedimenti u nuqqas ta’ kumpens xieraq. Huma kien sejjsu l-azzjoni tagħhom fuq żewġ binarji.

Dik ta’ nuqqas ta’ interess pubbliku fl-għoti ta’ ħwejjiġhom lil partit politiku biex jintuża bħala każin politiku u fl-użu li qed isir minnu, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ proporzjonalita minħabba l-kera baxxa li qegħdin jingħataw għall-użu ta’ dak il-ġid.

Il-fond li tagħhom illum huma s-sidien, ittieħed b’ordni u ngħata mis-Segretarju tad-Djar ta’ dak iż-żmien lil partit politiku sabiex jintuża bħala każin, kontra l-ħlas ta’ kumpens fl-ammont ta’ Lm147 (€342) fis-sena.

Minkejja li l-fond kien iġġarraf wara splużjoni li seħħet fl-1992 u baqa ma nbeniex, u minkejja li talbu li tinħareġ ordni ta’ derekwiżizzjoni, it-talba tagħhom baqgħet ma ntlaqgħetx. Qalu u ngħatraw raġun li b’hekk ġarrbu u qegħdin iġarrbu ksur il-jeddijiet tagħhom taħt l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni wropeaE.

Huma kienu bdew proċeduri fil-Qorti kontra l-Awtorità tad-Djar u s-Segretarju tal-Partit Laburista. Fit-talba tagħhom kienu qalu li bi dritt għandhom bi dritt li jingħataw kumpens xieraq għall-istess ksur li ġarrbu, magħduda danni materjali u danni mhux pekunarji.

Ingħad li fil-bidu tas-snin sebgħin tas-seklu li għadda, il-fond ma kienx qed jintuża għal skop residenzjali iżda bħala fergħa tal-Posta. Qabel il-ħruġ tal-ordni, ċ-ċwievet kienu diġa għaddew mingħand il-Postmaster Ġeneral lid-Dipartiment tad-Djar.

Id-Dipartiment tad-Djar kien għadda l-propjeta lill-każin Laburista biex il-fond jintuża bħala każin u fit-23 ta’ Novembru, 1973, sar kuntratt ta’ kirja. Il-Każin Laburista ntrabat li jħallas lil Albert Galea, l-propjetaju dak iż-żmien l-ammont ta’ Lm147 fis-sena li kienu stabbiliti mid-Dipartiment

Illi fl-1992 kienet seħħet splużjoni f’wieħed mill-appartamenti tal-blokka tal-fond u l-appartamenti ġġarrfu. Il-fond ma reġax inbena għall-istat li kien, qabel ma ġie anness ma’ binja li l-istess Partit għandu bħala każin u li jmiss ma’ dak tar-rikorrenti li qiegħed jintuża bħala bitħa li tagħmel mal-każin.

Jirriżulta wkoll li kien hemm żewġt ikmamar li s-saqaf tagħhom ma ġġarrafx fl-isplużjoni u dawn qegħdin jintużaw mill-każin bħala kċina u store. Il-medda ta’ wisgħa li l-fond kien jieħu qabel ma ġġarraf fl-isplużjoni llum saret bħal bitħa jew ambjent miftuħ fuq in-naħa tal-ġenb ta’ġid ieħor li l-0Partit Laburista għandu bi ħwejġu, bl-ambjent imsemmi jintlaħaq mit-triq.

Illi f’Jannar tal-2016, is-sidien ressqu ittra uffiċjali kontra d-Direttur biex iħassar l-Ordni għar-raġunijiet hemm imfissra. Minħabba l-użu ttwali li qiegħed isir minn ħwejjiġhom, fit-22 ta’ April, 2016, ir-rikorrenti ttantaw jitolbu li tinħareġ Ordni ta’ de-rekwiżizzjoni.

L-Awtorità ċaħditilhom it-talba u seħqet li, ladarba l-bini kien iġġarraf fl-isplużjoni, l-ordni ma kienx baqa’ fis-seħħ. Fit-2 ta’ Settembru, 2016, infetħet din il-kawża. Il-Qorti ħatret perit tekniku sabiex jistma l-valur lokatizju tal-fond b’seħħ minn Novembru 1973 sal-lum30.

Il-perit stima lvalur lokatizju tal-fond fis-sena 1973 fl-ammont ta’ €295 fis-sena, filwaqt li fis-sena 2018, il-valur tela’ għal €2,100. fis-sena. F’dan il-każ, il-Qorti qalet li qiegħda żżomm quddiem għajnejha n-numru ta’ snin li r-rikorrenti ilhom iġarrbu ksur tal-jedd tagħhom dwar in-nuqqas ta’ tgawdija ta’ ħwejjiġhom, u li l-ammont ta’ kumpens mistħoqq jirrappreżenta kemm rimedju għall-fatt li l-kumpens li setgħu jistennew li jitħallsu kien baxx ħafna fiċ-ċirkostanzi (l-aktar matul is-snin wara li l-bini ġġarraf) u kif ukoll il-fatt li l-Awtorita intimata naqset li toħroġ l-ordni ta’ de-rekwiżizzjoni.

Meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha li joħorġu l-Qorti qalet li jkun xieraq li jitħallas kumpens fis-somma ta’ €75,000. Il-kumpens qiegħed jitqies bis-saħħa ta’ ordni tal-qorti mogħti taħt l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea u jiġbor fih kemm kumpens materjali u kif ukoll kumpens mhux pekunjarju mnissel mis-sejbien tal-ksur tal-jedd fundamentali tas-sidien. Il-Qorti ordnat ukoll li dan l-ammont hekk likwidat, flimkien mal-imgħax legali fuq dak l-ammont jiġi fis-seħħ mill-għoti tas-sentenza.