Futbol Sport

Rebħa importanti għal Liverpool f’Old Trafford

(Ritratt: EPA)

F’partita li oriġinarjament kellha tintlgħab fit-2 ta’ Mejju u li kienet ġiet posposta minħabba protesti mill-partitarji ta’Manchester United, Liverpool għelbu lil Manchester United 4-2. Fl-10 minuta, Manchester United meritatament marru fil-vantaġġ. Minn pass ta’ Aaron Wan Bissaka kien BRUNO FERNANDES li għeleb lil Alisson Becker. Fis-27 minuta għal dak li deher foul ta’ Eric Bailly fuq Phillips, Liverpool deher li ser jingħataw penalty li iżda ma kienx ikkonvalidat bil-VAR Madankollu l-gowl tad-draw wasal fl-34 minuta meta minn azzjoni ta’ Nathaniel Phillips kien DIOGO JOTA li bit-takkuna għeleb lil Dean Henderson. B’Liverpool fuq l-offensiva fil-ħames minuta tal-ħin miżjud minn cross ta’ Trent Alexander Arnold kien ROBERTO FIRMINO li bir-ras għeleb lil Henderson. B’Liverpool jiftħu t-tieni taqsima fuq l-attakk fis-47 minuta kien mill-ġdid ROBERTO FIRMINO li għeleb lil Henderson għat 3 – 1 . Fit-68 minuta Manchester reġgħu daħlu fil-partita meta minn azzjoni ta’ Edinson Cavani kien MARCUS RASHFORD li għeleb lil Allison Becker 3 – 2. Minkejja li Manchester ippressaw għal gowl tad-draw, minuta mit-tmiem minn azzjoni ta’ Curtis Jones kien MOHAMED SALAH li għalaq il-partita u rebħa ta’ 4 – 2 għal Liverpool li telgħu fil-ħames post b’60 punt.

F’Villa Park, Everton u Aston Villa temmew fi draw ta’ 0-0. Riżultat ġust f’partita fejn minkejja li fl-ewwel fażi kien hemm dominju assolut minn Aston Villa, mal-ħin Everton daħlu fil-partita u qasmu l-logħob bil-goalkeepers rispettivi Emiliano Martinez u Jordan Pickford rari jkunu mpenjati serjament. Bil-punt miksub, Everton telgħu fit-tmien post b’56 punt daqs Tottenham Hotspur filwaqt li Aston Villa baqgħu fil-ħdax il-post b’49 punt. L-unika kontroversja kienet fit-43 minuta b’Bertrand Traore għal Aston Villa jipprotesta għal penalty wara foul li seta’ seħħ fuqu u minn flok spiċċa ammonit.