Lokali Qorti

Sentejn u nofs ħabs wara li seraq anzjana waqt it-tombla u kompliċità fuq mara oħra

Raġel ta’ 45 sena mill-Imtarfa u residenti l-Imsida ġie kundannat sentejn u nofs ħabs wara li nstab ħati ta’ serq fuq anzjana fil-Ħamrun u kompliċità f’serqa oħra minn fuq mara f’Ta’Xbiex. Reuben Galea li għandu problema akuta ta’ droga nstab ħati wkoll li sar reċidiv bil-Qorti tikkunsidra l-fatt li l-kondotta tiegħu hija waħda kkulurita fejn għandu xejn inqas minn 27 kundanna minn diversi Qrati

Dawn il-kundanni jinkludu korruzzjoni ta’ żewġ minorenni, tnejn ta’ serq kwalifikat u ta’ serqa sempliċi, pussess ta’ droga, disa’ kundanni relatati ma’ ksur tal-liġijiet tas-sewqan, ksur tal-liġijiet fil-konfront ta’ xufiera tat-trasport pubbliku, kundanna għal ksur tal-liġijiet dwar l-immigrazzjoni, ksur ta’ ordni ta’ probation u kundanna għal ksur ta’ bail.

Huwa nstab ħati li fl-1 ta’ Diċembru 2019, wara nofs inhar mill-Valentine’ Hall li jinsab il-Ħamrun ikkometta serq ta’ kartiera għad-dannu ta’ anzjana ta’ 65 sena li kienet qed tilgħab it-tombla flimkien ma’ numru ta’ nies ohra, fosthom ma’ omm Galea.

L-anzjana xehdet li waqt li qegħdin jilghabu t-tombla daħal raġel li beda jippassiġġa, u n-nies bdew jgħidulu biex ma joqgħodx fin-nofs għax ma setgħux jaraw il-board bin-numri. Huwa daħal wara siġġu vojt li kien hemm hdejha, li fuqu kellha handbag.

Qalet li ħasset is-siġġu jiċċaqlaq ftit, u meta daret rat raġel jieħu l-wallet u jaħrab. Hi marret tiġri warajh, iżda ma laħqitux. Xi nies qalulha li dan ir-raġel kien it-tifel ta’ anzjana, li kienet ukoll tmur tilgħab it-tombla f’din is-sala.
L-anzjana qalet li fil-wallet kellha €150 fi flus kontanti, il-karta tal-identita, żewġ cards, u żewġ cards oħr biex tiġbed il-flus mill-bank.

Il-wallet kien jiswa €40.00. Waqt ix-xhieda tagħha, hija ma għarfitx lill-imputat bħala r-raġel li kien seraqha, u qalet li hi ratu għal ftit sekondi biss mill-ġenb. Fix-xhieda tiegħu, l-imputat ammetta li hu kien mar il-Valentine’s Hall ikellem lil ommu waqt li din kienet qed tilgħab it-tombla, u li kien mar jitlobha xi ħaġa tal-flus, u hi ma riditx tagħtih. Wara ħa kafe minn hemm, u telaq il-barra. Ċaħad li ħa xi ħaġa mis-sala.

Il-Qorti qalet li l-verżjoni tal-imputat m’hix kredibbli. Jekk kellu bżonn jitlob xi ħaġa mingħand ommu tant urġenti, għaliex mar fis-sala waqt li din qiegħda għal mistrieh mal-ħbieb tagħha tilgħab it-tombla, u għalfejn kellu jieħu kafe fis-sala u joqgħod idur mal-imwejjed?

Il-Qorti qalet ukoll li hija konvinta, li l-unika raġuni għalfejn baqa’ fis-sala kien sabiex jara jirnexxielux jisraq xi flus jew wallet, wara li kif ammetta hu stess fix-xhieda tiegħu huwa għandu problema ta’ droga. Dwar il-kompliċità fis-serqa f’Ta’Xbiex dan kien Fis-17 ta’ Dicembru 2019, għal ħabta tas-7.30 a.m. il-Pulizija kienu infurmati li kien hemm mara, li ġiet attakkata fi Triq Abate Rigord, Ta’ Xbiex.

Il-mara qalet li waqt li kienet miexja rat zewg persuni suspettuzi jħarsu lejha minn naħa l-oħra tat-triq u hi baqgħet miexja, iżda wieħed minnhom qasam it-triq għal fuqha, ġie minn warjaha, u prova joħdilha l-handbag, imma din ma telqitux.

Dan taha daqqa ta’ ponn ġo wiċċha u baqa’ jissara magħha, izda, waqt it-taqbida kien hemm persuna ta’ nazzjonalita barranija li mar jagħtiha l-għajnuna, u l-persuna li aggrediha telaq jigri. Mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija rriżulta li l-persuna li agredixxa lil mara kien ċertu Daniele Aquilina, fejn itteħdu proċeduri kriminali kontrih.

Minn iktar investigazzjoni, anki minn analiżi tal-filmati tas-CCTV, irriżulta li ma’ Aquilina kien hemm l-imputat, li joqgħod fl-akkwati. L-imputat kien qed jiġi mfittex ukoll mill-Pulizija fuq is-serqa mill-Valentine’s Hall. Fix-xhieda tagħha, l-mara qalet li waqt li kienet miexja fit-triq rat żewġ irġiel liebsin ġakketta b’hood magħha u wiċċhom mogħtti bi scarf, li kienu mixjin fuq il-bankina tan-naħa l-oħra.

Wieħed minnhom qasam it-triq, u ġibdilha l-handbag li kellha. Il-handbag weħel ma’ jdejha u l-aggressur beda jagħtiha bil-ponn fuq rasha u wiċċha biex hi titlaq il-handbag. Hi bdiet tgħajjat għall-għajnuna, u mar persuna minn ħanut faċċata biex jgħinha, u meta l-aggresur rah, ħarab.

Konsegwenza ta’ dan l-inċident, il-mara ġarrbet diversi ġrieħi fuq wiċċha. Qalet li fil-baskett kellha €50 kontanti, żewġ credit cards, żewġ ID cards, liċenzja tal-karozza, ċwievet tal-uffiċċju u tad-dar, mobile phone, ktieb tan-noti, nuċċali tax-xemx u affarijiet bażici oħra.

Mill-provi jirriżulta li l-imputat kien baqa’ fuq in-naħa l-oħra tat-triq, u mhux ir-ragel li attakka lil mara. Dan ġie konfermat mill-imputat, kemm fl-interrogazzjoni, kif ukoll fix-xhieda li l-għażel li jagħti fil-Qorti. Fix-xhieda tiegħu, l-imputat qal li kien iltaqa’ ma’ Daniele Aquilina għall-ewwel darba iktar kmieni dak-in-nhar fil-għodu xis-2.00a.m., u kien mar fir-residenza tiegħu, biex jabbużaw mid-droga.

Huma ħarġu minn din ir-residenza xil-5.00 a.m. u Aquilina qallu li li ried jagħmel ‘hold-up’, pero ftit wara qallu li qal hekk biex jiċċajta. L-imputat tenna li iktar tard Aquilina qallu “issa forsi nakkwista xi ħaġa”, u l-imputat jgħid li qallu biex ma jagħmilx kummiedji.

Reuben Galea ma eskludiex li Aquilina seta’ kellu sikkina fuqu, meta hargu. Mix-xhieda tiegħu jirriżulta li huma għamlu madwar sagħtejn iħufu bil-mixi fl-inħawi ta’ Ta’ Xbiex u l-Imsida. L-imputat qal li l-imġieba ta’ Aquilina ma bdietx togħġbu u għaddieh mix-xatt tal-Imsida, għax hemm kien hemm diversi CCTV cameras imwaħħlin mal-arbli, u indika dan il-fatt lil Aquilina. Jghid ukoll li ħin minnhom qallu “Jien ħa noqgħod bil-hoodie, xbin, ma tmurx tagħmilli xi kummiedja.”

L-imputat kompla li waqt li kienu mixjin ix-xatt tal-Imsida sar dan id-diskors: “U f’daqqa waħda qalli “Upp! Din!” Ma tajtx kas. Ra oħra, qalli, “upp!! Din!”. Ghidtlu “x’inhi, up, din ?!”. Qalli, “u din, inti ma tifhimx”. Imbagħad ra oħra, dawn kienu nies sejrin ghax xoghol, nisa, qalli, “upp! Din!” qalli.

“Għidtlu “inti mignun! X’inti!: għax proprja miġnun kien, peress li kien taħt l-effett tad-droga. Qalli, “għandha l-handbag, ara x’handbag għandha” Għidtlu, “int bis-serjeta jew?!” għidtlu “ara ha mmur ‘il hemm xbin”.
“U bdejt nimxi quddiem u wasalna fejn bar u kien hemm żewġt irġiel barra, bil-qiegħda jieħdu kafe. U jien kont bil-hoodie biex ngħatti wiċċi iktar. Għidtlu “ara ma tmurx tagħmilli xi kummiedja xbin! Jagħrafni xi hadd.

Hekk kienet l-istorja. U bqajna telgħin, qalli, “din ta!” Għidlu “Mur ‘il hemm!” Qabad, qasam it-triq, dar minn wara daharha… … qabad il-handbag, beda jagħtiha, qisu qed jagħti ragel. Il-Qorti qalet li mix-xhieda tal-imputat stess jirriżulta li hu baqa’ jħares waqt li l-aggressjoni kienet qed tiġri, u telaq biss meta Aquilina telaq jigri.

Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti, l-imputat ma spjegax għalfejn ma qabadx u ħalla lil Aquilina waħdu, u mar lejn id-dar tieghu, la darba l-komportament ta’ Aquilina ma kienx qed jogħġbu. Fl-istqarrija tieghu, qal li ma setghax jehles minnu ghax Aquilina kellu sikkina fuqu u li din s-sikkina kienet ma qadd Aquilina, u l-ħin kollu jtellahha l-fuq, u li ħareġ din is-sikkina meta attakka lill-mara.

Pero, fl-istqarrija, l-imputat qatt ma qal li heddu biha jew qallu xi kliem ta’ theddid. Fil-Qorti, l-imputat xehed li qabel ħarġu, Aquilina ipponta sikkina lejh u qallu biex joħroġ miegħu. Pero wara kompla jghid: “Rajtlu sikkina imma m’inhix ċert jekk daħħalhiex ġewwa jew ħariġha miegħu; barra ma rajthiex f’idu.”

Ghalhekk lanqas kien ċert li Aquilina kellu sikkina fuqu, u la barra ma rajhiex f’idhu, lanqas ra meta Aquilina agredixxa lil Grima, kif qal fl-istqarrija, u mill-provi ma jirriżultax li f’din l-aggressjoni intużat xi sikkina. Il-mara innifisha mkien fix-xhieda tagħha ma semmiet li Aquilina kellu xi sikkina.

Għalhekk ix-xhieda tal-imputat f’dawn il-proċeduri m’hix konsistenti mal-verżjoni li ta waqt l-interrogatorju fuq fatti relevanti ħafna. Wara li qieset il-provi kollha, il-Qorti qalet li hija tal-opinjoni li l-provi jippuntaw kollha f’direzzjoni waħda, dik li l-imputat xjentement u voluntarjament kien konxju meta ħareġ ma’ Aquilina, li kien bi ħsiebu jikkommetti reat ta’ serq, ikun minn fejn ikun, basta jakkwista xi ħaga, u l-imputat tal-inqas ried ikun kompliċi mieghu.

L-imputat stess xehed li Aquilina indikalu għall-inqas ħames persuni femminili differenti li kienu potenzjali vittmi tajbin biex jisirqulhom il-handbag. Xehed ukoll li ħeba wiċċu taht il-hoodie biex ma jintgħarafx, għax kien qed jibża’ li Aquilina iwettaq xi reat minn ħin għall-iehor.

L-imputat fl-ebda ħin ma iddeċieda li jitlaq minn miegħu, iżda baqa’ miegħu għal tal-inqas sagħtejn. Ma nġabet l-ebda prova li l-imputat kien qiegħed jigi mhedded minn Aquilina. Huwa kellu kull ċans u għażla libera, li ma jkunx parti minn dawn ir-reati, iżda għazel li jibqa’ miegħu.

Meta Aquilina aggredixxa lil mara, l-imputat ma telaqx jiġri minn fuq il-post, kif wieħed kien jistenna li jagħmel, kieku kien sforzat jibqa’ ma’ Aquilina kontra r-rieda tiegħu. Hu qagħad faċċata fuq il-bankina jistenna l-eżitu tal-aggressjoni, u telaq biss meta Aquilina telaq jiġri minn fuq il-post tal-aggressjoni, wara li intervenew terzi persuni.

Il-Qorti qalet li m’għandhix dubbju li l-preżenza kontinwa tal-imputat waqt l-aggressjoni, kienet intiża biex issaħħah il-volonta ta’ Aquilina biex jikkommetti r-reat ta’ serq ikkwalifikat, sakemm Aquilina kellu jaħrab minħabba raġunijiet indipendenti u aċċidentali għall-volontà tiegħu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Mars-Anne Farrugia qalet li kien kollu għalxejn li Galea ingħata diversi opportunitajiet mill-Qorti. Fil-fatt l-uffiċjal tal-probation kienet tal-opinjoni li huwa mhux kapaci jindirizza l-problemi li għandu jekk ma jkunx f’post ikkontrollat.

Hija qalet li meta hu kien qed jiskonta piena ta’ priġunerija, huwa ikkopera u mexa tajjeb, u anke wara li ħareġ mill-habs baqa’ fuq it-triq it-tajba, iżda imbagħad reġa’ waqa’ għal vizzju tad-droga. Kien qed ħajja kaotika ħafna, u hija qalet li l-aħħar darba li kien qed jgħix ħajja bħal din kien spiċċa qala’ tir ta’ arma tan-nar. Għalhekk hija qalet li fil-preżent jekk huwa ma jinżammx detenut, huwa ta’ periklu għalih innifsu u għas-soċjetà.

L-Uffiċjal tal-Probation hija tal-fehma li l-unika mod kif l-imputat seta’ jirriabilita ruħu kien billi jagħmel programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga mill-ħabs stess. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Colin Sheldon.