Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €4,000 fuq traffikar ta’ kannabis

Raġel ta’ 46 sena residenti Birkirkara ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin ħabs u multa ta’ €4,000 wara li nstab ħati ta’ traffikar ta’ kannabis kif ukoll ta’ ‘trafficking by sharing’ tal-istess fl-2012. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li kkunsidrat il-fatt li meta fl-10 ta’ Settembru ta’ disa’ snin ilu, l-Pulizija marru fil-garaxx ta’ Clyde Cutajar, f’Tal-Ħandaq fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga huwa kkopera bis-sħiħ magħhom u qalilhom fejn kellu d-droga li huwa kien juża wara li jkunu spiċċaw mix-xogħol il-lavranti tiegħu.

Il-Pulizija kienet elevat b’kollox 288.47 grammi ta’ kannabis. Fl-uffiċċju tiegħu nstabet biċċa żgħira resina tal-kannabis li kienet ġo pakkett tas-sigaretti. F’wieħed mill-kxaxen tal-iskrivanija tiegħu instabet tissue li kien fiha sustanza bajda suspettata kokaina, u biċċa resina tal-kannabis zgħira oħra.

Minn fuq id-desk ukoll instabet borża miftuħa żgħira li kien fiha xi traċċi suspettati cannabis Meta l-pulizija telgħu fis-sular ta’ fuq, l-imputat indika lill-Pulizija kaxxa fejn kellu xi biċċa blokka, u effettivament il-Pulizija sabu bott li kien fih żewg blokok suspettati raża tal-kannabis.

Fl-istqarrija tiegħu ammetta li kien ilu xi ħames snin ipejjep ir-reżina tal-kannabis. Huwa ammetta li kienet tiegħu. Pero ċahad li t-tissue bil-kokaina kien tiegħu, għaliex insista li hu ma jabbużax minn din is-sustanza u ma jafx kif spiċċat għandu.

Huwa ammetta wkoll li ġieli għamel joints tal-kannabis għal ħabib tiegħu mingħajr ħlas. Kien hemm okkażjonijiet fejn pejpuha flimkien, u kien hemm okkażjonijiet fejn il-ħabib tiegħu ħa l-joint miegħu u telaq. Cutajar qal ukoll li hu kien jixtri ir-rezina tal-kannabis €25 il biċċa. Xi ftit xhur qabel hu kien iddeċida li jixtri sapuna sħiħa għal prezz ta’ €600 biex “ma noqgħodx nixtri kull darba u jkolli hażna għalija personali”, huwa qal.

Meta gie mistoqsi kemm ipejjep cannabis resin, l-imputat qal: “Bejn wieħed u ieħor joint kuljum minbarra fil-weekend għax ma nkunx xogħol u jiena ix-xogħol biss inpejjep u meta nkun wahdi.” Għal dak li jirrigwarda l-okkażjonijiet fejn l-imputat għamel il-joints u ikkunsmahom flimkien mal-habib tieghu, l-Qorti qalet li huwa applikabbli l-ewwel proviso ta’ l-Artikolu 22(9) tal-Kapitolu 101, li huwa kkonsma d-droga fl-istess post u flimkien mal-ħabib tiegħu, dak jissejjaħ ‘trafficking by sharing’.

Fir-rigward ta’ dawk l-okkażżjonijiet fejn għamel il-joint, taha lill-ħabib tiegħu u dan telaq minn fuq il-post u kkunsmaha x’imkien ieħor, jeżistu l-element tar-reat ta’ traffikar. Huwa irrilevanti li l-imputat għamel dan bi pjaċir lil ħabib tiegħu, u ma qalax flus minnha, għaliex mhux neċessarju li min jgħaddi d-droga lil ħaddieħor jagħmel dan għall-flus jew xi ħaġa oħra.

L-imputat jinsisti li hu xtara dan l-ammont, speċjalment iż-zewg blokkok, għall-użu tiegħu personali, għax jiġih orħos jixtri sapuna, kif ukoll ma joqgħodx ġej u sejjer jixtri. Fl-istqarrija tiegħu huwa qal li l-fatt li fit-tfittxija ma irriżultawx affarijiet fil-post li jindikaw li hu jittraffika d-droga, bħal raża mqatta’ lesta jew xi miżien.

Il-Qorti qalet li dan huma minnu iżda dak li l-liġi tirrikjedi hu li jiġu pruvati ċirkostanzi li jissodisfaw lill-Qorti sal-grad tal-konvinċiment morali li dak il-pussess ma kienx ghall-użu esklussiv tal-ħati. Mix-xhieda tal-Espert Xjenzat Godwin Sammut jirriżulta li d-doża tipika tas-sustanza kannabis hija ta’ 0.2 grammi, li titħallat man-nikotina, sabiex jista’ jsir joint. Għalhekk minn sempliċi kalkolu matematiku jista’ jingħad li mill-ammont ta’ 288.47 grammi li kellu fil-pussess tiegħu l-imputat seta’ jagħmel madwar 1,440 joint.

Fl-istqarrija tiegħu Clyde Cutajar jgħid li hu kien ipejjep bejn wieħed u ieħor joint kuljum minbarra fil-weekend, għax ma jkunx xogħol, u kien ipejjep meta jkun waħdu, u li hu kien ipejjep madwar ħamesjoints fil-ġimgħa.
Anke jekk wiehed jagħti l-benefiċċju lill-imputat, u jikkalkula li kien ipejjep tmien joints fil- gimgħa, dak ifisser, li l-imputat kellu ħażna ta’ reżina biex jagħmel joints għal madwar tliet snin u nofs.

Barra minn hekk, l-fatt li kien hemm żewġ biċċiet żgħar ta’ reżina f’żewġ postijiet differenti fl-iskrivanija tal-imputat, waqt li żewġ biċċiet blokok kienu flimkien f’post differenti, ukoll jindika li din ir-reżina ma kinitx intiża ghall-użu esklussiv tal-imputat.

Jekk kif qed jgħid l-imputat, ir-reżina kienet intiża biss għalih, il-Qorti ma tarax il-loġika li jżomm żewġ biċċiet reżina f’postijiet differenti tal-iskrivanija tiegħu. Jekk għall-grazzja tal-argument tispiċċalu l-bicca żgħira, dejjem setgħa jġib iżjed miż-żewġ blokok li kellu fl-ewwel sular.

Fir-rigward tal-piena, il-Qorti ikkunsidrat li l-imputat ikkopera mal-Pulizija, u waqt it-tfittxija kien hu stess li ndikalhom fejn isibu iż-żewg blokkok tar-raża. Il-fedina penali tiegħu hija prattikament netta u li fittex l-għajnuna tal-Aġenzija Caritas f’Ottubru 2012, xahar wara li ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija dwar ir-reati li bihom huwa ġie mixli.

Jirriżulta likellu problema serja ta’ dipendenza fuq is-sustanza kannabis. Pero huwa impenja ruħu biex jirriabilita ruħu u attenda b’mod diliġenti sessjonijiet ta’ riabilitazzjoni darba fil-ġimgha ghal kważi sentejn. Dan ġie konfermat ukoll mill-‘key worker’ tiegħu tal-Aġenzija Caritas, Leon-David Madden.

Tenut kont tan-natura serja tal-reati li tagħhom huwa nstab ħati u l-ammont sostanzjali ta’ droga li nstabat fil-pussess tiegħu, il-Qorti qalet li hija tal-fehma li l-piena rsponsabbli għandha tkun sentenza ta’ priġunerija sospiża flimkien ma’ multa. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Dennis Theuma.