Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal lavrant li seraq prodotti tal-laħam

Raġel ta’ 46 sena, residenti Ta’Xbiex li jaħdem bħala Assistent Butcher ġie kundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li fit-22 ta’ Mejju, 2012 u fix-xhur ta’ qabel ikkommetta serq ta’ diversi prodotti tal-laħam mill-istores ta’ In House Butcher f’Park Towers Supermarket, Santa Venera.

Mill-provi rriżulta li meta kien imur iqassam il-laħam, Mark Anthony Borg, kien jieqaf id-dar tal-ġenituri tiegħu u jħalli xi kaxxi bil-laħam u jmur lura x-xogħol tiegħu bil-vann vojt. Ma ġiex stabbilit kemm eżatt kien is-serq għax filwaqt li l-lavrant ammetta li s-serq kien ta’ €2,300 li huwa radd lura, l-imgħallem tiegħu qal li ttieħed b’kemm jiswa’ €35,000.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli qalet li l-laħam ma kienx aċċessibbli biss għal. Borg. L-imgħallem tiegħu Adrian Deguara qal li saru verifiki u ma rriżultax li kien hemm xi mpjegat ieħor li ħa l-laham u għalhekk qisu awtomatikament għandu jiġi konkluz li kien l-imputat li ħa dan l-ammont.

Il-Qorti fakkret li fil-kamp kriminali l-prosekuzzjoni trid tipprova l-każ tagħha oltre d-dubbju dettat mir-raġuni. F’dan il-każ ġie ppruvat li fi tliet okkaċjonijiet Borg għabba kaxxiżzejda fil-vann oltre minn dak li kellu jgħabbi u l-kaxxi żejda hadhom hu.

Filwaqt li l-Qorti tista’ tispekula dwar x’seta’ ġara iżda dan mhux biżżejjed biex tikkonkludi li l-imputat għandu jinstab ħati li seraq laħam b’valur ta’ kważi €35,000. Il-Maġistrat Demicoli qalet li nnutat li meta Adrian Deguara mar jagħmel ir-rapport lill-Pulizija huwa ddikjara li l-valur kien ta’ €28,000.

Il-Qorti fid-dawl tal-provi prodotti saħqet li ma tistax tistabilixxi b’ċertezza l-ammont ta’ laħam li gie misruq mill-imputat. Li huwa żur huwa li fit-22 ta’ Mejju tal-2012 ħiet elevata kaxxa laħam tal-marka Goedegebuur li kien fiha erba’ biċċiet laham individwali tat-tip knuckle u bicca laham tal-istess tip separata mill-kaxxa msemmija u dan minn residenza f’Ta’ Xbiex.

Il-Qorti qalet li lanqas ma tista’ tikkonkludi li kull darba li Borg kien xogħol huwa neċessarjament seraq kaxxi tal-laħam.Min-naħa l-ohra pero’ ma tqisx li l-imputat għandu jinstab ħati ta’ serq sempliċi, imma ta’ serq bil-valur. Adrian Deguara qal li l-kaxxi tal-laħam għalkemm ivarjaw bil-prezz imma l-prezzijiet li semma’ meta għall-argument ittieħdu żewġ kaxxi diġa’ jammontaw għal madwar €240.

Dwar piena li għandha tingħata l-Qorti ħadet in kunsiderazzjoni n-natura tar-reat li tiegħu l-imputat instab ħati, il-fedina penali u ċ-ċirkostanzi tal-każ. Qalet li l-imputat għandu jiħi kkundannat għal sentenza ta’ priġunerija li pero’ tiġi sospiża.

Il-kaz kien beda fuq rapport li Adrian Deguara għamel mal-Pulizija fejn fil-kapaċità tieghu ta’ sid tas-sezzjoni tal-laħam fil-Park Towers Supermarket irrapporta li lavrant tiegħu kien qiegħed jisraq xi laħam minn fuq il-post tax-xogħol.
Huwa kien induna meta flimkien mal-accountant tieghu Ian Dye bdiet issir Trading Profit & Loss Account ta’ bejn ix-xhur tal-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 ta’ Mejju 2012 u fil-‘cost of sales’ giet innutata diskrepanza kbira.

Bdew jagħmlu l-verifiki tagħhom u Adrian Deguara irrapporta li kien ġie stabbilit illi l-laħam seta’ gie nieqes waqt iċ-ċaqliq tiegħu minn maħżen għal ieħor, u l-persuna nkarigat minn dan kien Mark-Anthony Borg. Min-naha tiegħu s-sid beda jsegwi l-passi ta’ Borg, fejn induna li kien qiegħed jgħabbi x-xogħol ġol-vann mill-istore ta’ Santa Venera, imur bih l-istore ta’ San Ġiljan, iħott ix-xoghol ġewwa l-istore ta’ San Ġiljan u jħalli kaxxa jew tnejn fil-vann.

Wara Borg jibqa’ sejjer fir-residenza tieghu ġewwa Ta’ Xbiex sabiex iħott hemm il-kaxxi li jkun ħalla u minn hemm jibqa’ sejjer lura lejn Santa Venera. Fix-xhieda tiegħu Adrian Deguara qal li wara l-profit and loss Report ta’ Marzu huwa flimkien mal-accountant innutaw li kien hemm xi stock konsistenti f’laħam li kien nieqes u kien hemm distakk konsiderevoli.

Huma vverifikaw billi raw xi stock kien qieghed jinbiegħ, x’daħal u x’ħareġ mis-sistema kompjuterizzata. Bdew isiru l-verifiki ma’ diversi nies imabaghad indunaw li persuna, li kien fdat, beda jmur fir-residenza tal-ġenituri tiegħu f’Ta’ Xbiex u jħotthom malajr u jmur lura lejn Santa Venera.

Huma kienu segwew lill-imputat fit-8 ta’ Mejju 2012, b’Deguara jieħu ritratt li fih jidhru żewġ kaxxi tal-laħam li baqghu fil-vann, waqaf ħallihom id-dar u meta wasal lura Santa Venera l-vann kien vojt. Bħala valur kienu €240. Iżda jekk ikollok tliet kaxxi jew erba’ skont x’laħam, l-valur jista’ jitla’ anki għal €400, huwa qal.

Twaħħlet ukoll ‘data tracker’ fill-vann. Ittieħdu ritratti u filmati li kaxxi tal-laħam baqgħu fil-van. Id-‘data tracker’ tkopri ta’ darbtejn, tal- 10 u 11 ta’ Mejju 2012. L-aħħar darba l-Pulizija kienu qed jistennewh fil-post u arrestawh.
Borg ammetta li ha b’€2,500 laħam. Madankollu Deguara sostna li mill-kalkoli li għamel l-accountant tiegħu l-ammont huwa ta’ €35,000 Qal li kien hemm diversi oġġetti li kienu nieqsa, bl-oġġetti prinċipali jkunu knuckle u cube roll u dan fuq medda ta’ tliet xhur.

Qal ukoll li kien hemm aktar persuni li jagħmlu dak it-tip ta’ xogħol iżda dan biss meta l-imputat ma kienx ikun preżenti. Deguara qal li meta segwew persuni oħra qatt ma raw xejn ħażin, imma meta segwew lil Borg rawh jieqaf id-dar tal-ġenituri tiegħu u jħott xi kaxxi li jkun għabba żejda.

Deguara jsostni li kien qed jinsteraq laħam b’madwar €400 kuljum. Spjega li jsir stock take ta’ darba fis-sena fil-31 ta’ Dicembru fejn tiġi pprintjata lista u tinqala’ kaxxa kaxxa u jittieħed il-piż ta’ kull kaxxa. Pero jsir ukoll stock take f’Marzu, Ġunju u Settembru li jissejjah ‘close enough’ għaliex f’dawn jittiehed l-‘average’. Mix-xhieda ta’ Ian Dye l-accountant, filwaqt li kkonferma li huwa jħejji l-accounts kull tliet xhur u f’Marzu 2012 jibdew jaraw li l-figuri gross profit u net profit ma kienux qed jaqblu ma tas-sena l-oħra u l-figura kienet baxxa wisq.

Qal li t-telf irriżulta mill-inventarju għaliex l-affarijiet ġew ivverifikati aktar minn darba u rriżulta li kien hemm nuqqasijiet fl-istocks tal-laħam. L-ammont jammonta ghal €34,995 fuq il-perjodu bejn Jannar u Mejju. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Darryl Borg. L-Avukat difensur kienet Kathleen Grima.

.