Internazzjonali

Stati Uniti: Liz Cheney ‘tħallas il-prezz’ talli sfidat lil Trump

Il-deputati tal-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni, fl-aħħar sigħat, ivvotaw biex iqaċċtu lil Liz Cheney – waħda mill-aktar uċuh familjari tal-partit – mir-rwol ewlieni li kienet qed tokkupa u wara li hi kritikat it-tmexxija tal-eks President Amerikan u Kap Repubblikan, Donald Trump,

Liz Cheney, deputat min Wyoming u li hi wkoll bint l-eks Viċi-President Amerikan, Dick Cheney, kienet ilha tokkupa t-tielet l-aktar kariga importanti fil-Kamra tar-Rappreżentanti (f’Washington) mill-2019. Hi, fil-bidu tal-ġimgħa, sostniet bla tlaqliq li ‘il-Partit (Repubblikan) tagħha ma jistax jippreżenta ruħu bħala difensur tal-verità f’sitwazzjoni fejn baqa’ jappoġġja l-insistenza falza ta’ Trump li hu r-rebbieħ xieraq tal-elezzjoni ( ta’ Novembru li għadda) għall-Presidenza tal-Istati Uniti’.

L-osservaturi qed jgħidu li Liz Cheney – li issa spiċċat minn Chairperson tal-House Republican Conference — kienet kostretta li ‘tħallas il-prezz politiku għall-onestà li wriet’. Intant, mistenni li l-membri Repubblikani tal-Kamra se jaċċertaw li r-rwol li kellha fl-istess Kamra tar-Rappreżentanti  jgħaddi lil deputat magħruf ‘għal-lealtà lil Trump’.

L-aħħar żviluppi anki qed jitqiesu bħala sinjal li l-Partit Repubblikan għadu taħt il-kontroll sod ta’ Donald Trump, sitt xhur wara t-telfa elettorali tiegħu. Telfa li fost oħrajn irriżultat fi vjolenza storika fil-qalba ta’ Washington.

Sadanittant, id-destin ta’ Liz Cheney kien deċiż f’anqas minn 20 minuta mill-menbri Repubblikani tal-Kamra tar-Rappreżentanti li mexxew il-vot wara l-bibien magħluqa.

Dan meta ma niżlu tajjeb xejn il-kummenti tagħha – waqt sessjoni fil-kamra – fejn qalet li ‘(ir-Repubblikani) ma jistgħux iħallu lill-eks President (Trump) jitfagħhom lura u jġiegħelhom jidhru kompliċi fl-isforzi tiegħu biex jostakola lill-proċess demokratiku’.

Il-vot kontra Cheney ma kienx irrekordjat iżda d-deputati, permezz ta’ voice vote, kienu kważi unanimi fid-deċiżjoni li hi titneħħa mir-rwol tagħha fil-Kamra.

Dritt wara l-vot, Liz Cheney kellmet lill-ġurnalisti u qaltilhom li se tagħmel minn kollox biex taċċerta li l-eks President Trump ‘ma jersaq qatt aktar viċin l-Oval Office ( tal-White House)’. Dan wara li hi kkundannat diversi drabi lil Trump talli ‘baqa’jinsisti li rebaħ l-elezzjoni tas-sena l-oħra u li spiċċa misruq minn dak li hu tiegħu’.

Mill-banda l-oħra, numru ta’ kollegi Repubblikani ta’ Cheney qalu li ‘hi qed tipprova tibqa’ ankrata fil-passat minkejja li l-Partit (Repubblikan) irid jikkonċentra fuq il-preżent u jaħseb fl-elezzjoni li jmiss għall-Presidenza tal-Istati Uniti’.

Sadanittant, Donald Trump irreaġġixxa għat-tneħħija ta’ Cheney mir-rwol li  kienet tokkupa bi stqarrija li fiha jattakka lill-eks kollega bħala ‘persuna orribbli li permettiet biex id-Demokratiċi (fil-Gvern) juru aktar disprezz lejn il-partit (Repubblikan) tiegħu.’

Mill-banda l-oħra, Nancy Pelosi, il-Kap Demokratiku tal-Kamra tar-Rappreżentanti, faħħret lil Liz Cheney bħala ‘protagonista fil-politika li uriet kuraġġ flimkien ma’ sens kbir  ta’ patrijottiżmu u integrità’.