Lokali

Taħrab u ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar il-pjan għall-irkupru

Il-Ministru baqgħet taħrab, mistoqsija wara l-oħra.

Kienet din is-sitwazzjoni li sab ma’ wiċċu Net News meta pprova jsaqsi lill-Ministru tal-Energija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, dwar il-pjan ta’ irkupru ekonomiku li l-Gvern suppost ilu jiem li ppreżentah lill-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, meta ġiet mistoqsiha meta se jiġi ppreżentat il-pjan ta’ irkupru, il-Ministru Dalli qalet li dan se jsir meta jkun hemm bżonn.

Mistoqsiha wkoll dwar l-irwol tal-Malta Enterprise f’dan il-pjan, Miriam Dalli kompletament ħarbet mill-mistoqsija. Kien għalhekk li Net News reġa’ staqsa dwar il-pjan ekonomiku f’tentattivt li tal-anqas tkun imwieġba waħda mill-mistoqsijiet, iżda l-Ministru Dalli litteralment niżlet minn fuq il-podium u ħarbet mill-camera u mill-mistoqsijiet kollha.

B’hekk, pajjiżna ghadu ma jafx għaliex il-Gvern Malti waqa’ lura fil-preżentazzjoni tal-pjan tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea hekk kif kull ministru qed jibqa’ jaħrab milli jwieġeb.

Kelliem tal-Kummissjoni kien spjega magħna li hekk kif pajjiż jippreżenta l-pjan tiegħu, dan imbagħad irid jiġi approvat biex eventwalment jiġi implimentat. Hu f’dan l-istadju li imbagħad Stat Membru jibda jirċievi l-pagamenti.

Pajjiżi li diġa’ ppreżentaw il-pjan tagħhom diġa’ skattaw dan il-proċess. U għaldaqstant għandhom ċans akbar li jibdew it-triq tagħhom għall-irkupru ekonomiku.