Internazzjonali

Xita ta’ missili fuq Iżrael wara l-qtil ta’ militanti f’Gaza

Il-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza sparaw għexieren ta’ rokits lejn Iżrael wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani qatlu numru ta’ kmandanti tal-grupp militanti Hamas. Intant ikkrollat bini għolja oħra fost sensiela ta’ attakki fuq iċ-ċentru ta’ Gaza u bil-militanti qed ikomplu jibbumbardjaw il-bliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Dan ir-reġjun tal-Lvant Nofsani jinsab għaddej mill-akbar kriżi għal snin u li qed tavviċina l-gwerra li żbruffat bejn Iżrael u l-militanti ta’ Gaza matul is-sajf tal-2014

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal, sadanittant, li qed jippjana biex jibgħat il-qawwiet militari ħalli jgħinu lill-pulizija jżommu u jirristawraw l-ordni fl-ibliet li saru ħuġġieġa waħda ta’ vjolenza. Netanyahu qal li l-attakki u l-vjolenza tal-aħħar jiem f’Ġerusalemm u bliet Iżraeljani oħra tammonta għal xejn anqas minn anarkija.

‘Xejn ma jista’ jiġġustifika sitwazzjonijiet fejn il-gruppi tal-Għarab qed jattakkaw lil-Lhud inkella sitwazzjonijiet fejn folol tal-Lhud jaggredixxu lill-Għarab’, tenna Netanyahu waqt stqarrija li ħareġ fuq filmat.  

Il-gruppi militanti f’Gaza, taħt it-tmexxija tal-moviment tal-Palestinjani Iżlamiċi Hamas, ilhom jisparaw il-missili lejn Iżrael mil-lejl tat-Tnejn u bl-Iżraeljani jirritaljaw bl-attakki speċifiċi fuq l-infrastruttura u ‘miri indikati bħala bażijiet’ tal-Hamas’.

Sar magħru li mal-1,500 missila kienu sparati minn Gaza lejn l-ibliet ta’ Iżrael mindu rrankaw l-ostilitajiet fil-bidu tal-ġimgħa. Dan meta ndarbu l-mijiet tal-Iżraeljani fil-bumardamenti,bl-awtoritajiet ta’ Iżrael jikkonfermaw mas-70 maqtula.

Min-naħa tiegħu, Benjamin Netanyahu sostna li l-Gvern tiegħu se jagħmel minn kollox possibbli biex jipproteġi lill-Iżraeljani ‘mill-għadu ta’ barra kif ukoll mil -elementi li qed jixprunaw ir-rewwixta attwali fl-art ta’ Iżrael’.

Iżda l-Awtorità Palestinjana, li qed tiggverna partijiet tax-Xatt tal-Punent, ikkundannat ‘l-aggressjoni militanti’  ta’ Iżrael u sostniet li l-militar Iżraeljan ‘qed iżid it-trawma tal-Palestinjani bl-azzjonijiet brutali tiegħu’.

Is-sorsi infurmati qalu, intant, li t-territorji ta’ Gaza għaddew mill-aktar ‘lejl diffiċli’ mill-gwerra tal-2014 f’dik iz-zona u fejn spikkaw l-attakki bla heda tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.

Kelliema għal Iżrael qalu li l-qawwiet tagħhom ikkonċentraw fuq il-bini tas-servizzi sigrieti tal-grupp Hamas kif ukoll fuq il-bażi ta’ skwadra navali tal-istess Hamas. Intant, ir-residenti fl-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera kienu kostretti li jinżlu fix-xelters biex jistkennu mill-missili li tal-Hamas kienu qed jisparaw għal fuqhom,.

Fl-aħħar sigħat, eluf ta’ truppi Iżraeljani kienu qed javvanzaw lejn il-fruntiera ta’ Gaza biex iħejju għal ‘kull eventwalità’ u fost stennija li l-ġlied jeskala matul il-ġimgħa.

Kelliema qrib l-Armata Iżraeljana qalu li talanqas 3,000 qawwiet riservisti se jkunu qed jappoġġjaw lit-truppi ‘regolari’ — b’numru ta’ riservisti anki se jkunu qed jgħinu lill-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni taħraq (karatterizzata mill-konfronti kontinwi) fl-ibliet fejn l-Għarab u l-Lhud qegħdin jgħixu maġenb xulxin.

 F’din il-kriżi qed tispikka wkoll il-vjolenza fit-toroq regolari bejn membri tal-komunitajiet tal-Lhud u l-Iżraeljani Għarab.