Internazzjonali

Covid-19: Ir-Renju Unit qed jikkunsidra aktar tilqim biex jikkontrolla ż-żieda fil-varjanti tal-Indja

 

Il-Gvern tar-Renju Unit qal li l-awtoritajiet tas-saħħa jistgħu, minn ħin għall-ieħor, iressqu ‘il quddiem il-programmi għal ‘tieni tilqima’ bħala miżura għall-kontroll tal-varjant Indjan tal-coronavirus fl-agħar zoni affettwati tal-pajjiż.

Dan meta l-awtoritajiet Britanniċi anki qed jikkunsidraw li jintroduċu xi restrizzjonijiet fuq bażi lokali bħala miżura effettiva oħra – bil-Ministru Nadhim Zahawi, li hu responsabbli mill-kampanja tat-tilqim tal-poplu, jisħaq li kapaċi jittieħdu wkoll passi lejn it-tilqim ta’ persuni iżgħar fl-età li jiffurmaw parti mill-familji ‘rappreżentati minn diversi ġenerazzjonijiet’.

Sadanittant, xjenzat ewlieni wissa li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fl-Ingilterra mill-21 ta’Ġunju tinsab f’dubju minħabba ċ-ċirkolazzjoni tal-varjant Indjan.

Fl-istess ħin, kelliema għal Public Health England qalu li l-każi fir-Renju Unit aktar milli rduppjaw u meta sal-bieraħ kienu stabbiliti mal-1,300 każ tal-varjant inkwistjoni. Iċ-ċifri jimmarkaw żieda mill-529 każ tal-varjant Indjan fir-Renju Unit li kienu stabbilti fil-5 ta’ Mejju.

Min-naħa tiegħu, il-Professur Paul Hunter, li hu membru tal-kumitati konsultattivi dwar il-Covid mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), qal li ċ-ċifri attwali ilhom ma jkunu aġġornati għal madwar ġimgħatejn u li l-każi tal-varjant jistgħu jkunu bil-wisq akbar milli qed turi l-istatistika.

Il-Professur  Hunter sostna l l-varjant Indjan tal-Covid issa infiltra lill-maġġoranza tar-reġjuni tar-Renju Unit bl-eċċezzjoni possibbli ta’ Yorkshire, l-inħawi ta’ Humber u t-territorji lejn il-grigal tal-Ingilterra.

Id-Dipartiment Britanniku għas-Saħħa u Kura Soċjali qal li s’issa ma kien hemm l-ebda provi li l-varjant inkwistjoni għandu ‘impatt akbar’ fuq is-severità tal-mard dovut għall-Covid u lanqas mhemm provi li l-varjant kapaċi jevadi l-effetti tal-vaċċin.

Madankollu, l-esperti tas-saħħa jemmnu li l-varjant Indjan kapaċi jkun aktar trasmissibbli minn elementi oħra tal-coronavirus.

Fl-istess ħin, id-Dipartiment għas-Saħħa u Kura Soċjali qal li l-ministri ma jistgħux jeskludu l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet għal ċerti zoni f’każ ta’ sitwazzjoni fejn il-vaċċini ma jkunux daqstant effettivi kontra l-varjant partikulari.

Il-Ministru Zawahi spjega wkoll li l-Gvern Britanniku qed jikkunsidra anki li jnaqqas iż-żmien għat-tilqim tan-nies li huma residenti fiz-zoni tal-pajjiż fejn qed jinfirex dan il-varjant.  Fl-istess ħin, Zawahi sostna li rnexxa proġett pilota fil-belt ta’ Luton fejn it-tilqima ngħatat lill-membri żgħażagħ tal-familji li jaqgħu fil-kategorija ta’ ‘multi-generational households’.