Lokali Mużika

EUROVISION: Taqtiegħa bejn Franza, Malta u l-Italja

L-aħħar indikazzjonijiet marbuta mal-festival tal-Eurovision qed jindikaw li fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun qed taqtiegħa interessanti bejn l-Italja, Malta u Franza – b’din tal-aħħar meqjusa bħala l-kanzunetta favorita.

Destiny tibqa’ fost l-aktar popolari mas-segwaċi tal-Eurovision, bil-vuċi tagħha li diġa’ saħħret miljuni madwar l-Ewropa kollha. Skont id-djar tal-imħatri, ‘Je Me Casse’ bħalissa tinsab klassifikata fit-tielet post.

eurovision.tv

Interessanti l-effett li qed iħalli f’Rotterdam il-grupp Taljan Maneskin. Bl-immaġini tagħhom u l-ħoss fuq stil rock, Maneskin diġa’ ħallew marka fl-ewwel żewġ provi. U l-popolarità tagħhom qed tkompli tikber.

Fil-każ ta’ Franza, il-kanzunetta parteċipanti fil-festival ta’ din is-sena fl-Olanda hi fuq stil ballad. Il-kantanta Barbara Pravi qed tikkompeti bil-kanzunetta ‘Voila’ – kanzunetta bil-lingwa Franċiża li fiha tispikka s-saħħa fil-vuċi unika li għandha l-Pariġina ta’ 28 sena.

Skont is-siti tal-betting, Malta qed titpoġġa’ favorita li tgħaddi mis-semi finali u tiġi ma’ l-ewwel ħamsa tal-festival.

L-istess siti l-Ġimgħa filgħodu ndikaw li Destiny tinsab it-tieni fil-vot tal-ġurija u t-tieni fit-televoting.