Sport Sport Ieħor

Finalment aħbar tajba għal dawk involuti fir-Regatta … kollox għad-29 ta’ Mejju

(Ritratt: Martin Agius)

Rapport: Stewart Said

Il-Malti jgħid wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Hekk jidher li hu l-każ għad-dilettanti tar-Regatta hekk kif wara diversi ġimgħat ta’ inċertezza u nuqqas ta’ kjarifika mill-Awtoritajiet, għandhom id-data konfermata tad-29 ta’ Mejju meta dan l-avveniment jista’ jsir.

Oriġinarjament l-ewwel Regatta tas-sena ssir fil-31 ta’ Marzu iżda wara li l-Avviż Legali pprojbixxa l-isport kollu, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor għażlet li tipposponi minflok tikkanċella r-Regatta. Għal ġimgħat sħiħ, id-distretti parteċipanti u speċjalment il-qaddiefa flimkien mal-assoċjazzjoni, kienu fl-għama jekk il-posponiment kienx se jirriżulta f’possibbiltà li r-Regatta ssir.

Dan minħabba problemi li l-qaddiefa ma setgħux jitħarrġu kollha, filwaqt li l-miżuri li bdew jitneħħew, xorta ma kinux biżżejjed biex ir-Regatta setgħet tingħata l-approvazzjoni. L-edizzjoni ta’ Marzu tas-sena l-oħra kienet tħassret, bl-aħħar rebbieħa ta’ din ix-Shield huma Bormla li fl-2019 kienu rebħu wkoll Kategorija B. Birżebbuġa rebħu t-tellieqa tan-nisa.

Il-mod kif ir-Regatta se tkun organizzata hi simili għal dik ta’ Settembru li għadda. Dakinhar kienet ġiet organizzata b’suċċess fejn anki kien sar Risk Assessment mill-Għaqda. Fil-ġurnata ġew segwiti numru ta’ miżuri biex titħares is-saħħa ta’ dawk involuti fejn anki ngħalqu diversi aċċessi biex ma jattendux spettaturi mal-Port. Għal dan l-għan, ir-Regatta se tintwera b’mod dirett fuq l-Istazzjon Nazzjonali.