Coronavirus Ekonomija Lokali

Il-Bank Ċentrali jikkonferma li s-suq tax-xogħol kompla jiġi affetwat mill-pandemija

Ritratt: Martin Agius
Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta’ 4.4%

Pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta tindika li l-attività ekonomika f’pajjiżna fl-aħħar trimestru tas-sena kellha xejra aktar pożittiva meta mqabbla mat-trimestru ta’ qabel. Il-GDP reali naqas b’6.2% f’termini annwali fir-raba kwart tal-2020 – rata ta’ tnaqqis iżgħar minn dik esperjenzata fit-tielet trimestru, meta l-GDP kien naqas b’rata annwali ta’ 8.8%. It-tnaqqis ekonomiku fl-aħħar kwart tal-2020 kien primarjament dovut għal tnaqqis qawwi fl-esportazzjoni netta, hekk kif id-domanda domestika naqset bi ftit.

Matul l-aħħar kwart tal 2020, is-suq tax-xogħol kompla jiġi affettwat mill-pandemija b’mod negattiv, għalkemm tjieb meta mqabbel mat-tielet trimestru. Skont il-Labour Force Survey, l-impjiegi żdiedu meta mqabbla mat-tielet trimestru tal-2020, iżda kienu taħt il-livell tas-sena ta’ qabel. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta’ 4.4%, ftit inqas mir-rata ta’ 4.6% rreġistrata fit-tielet trimestru, iżda f’livell ogħla mir-rata ta’ 3.5% rreġistrata sena qabel.

Matul ir-raba’ kwart tal-2020, il-finanzi tal-Gvern komplew jiġu affettwati b’mod negattiv mill-COVID-19. U l-bilanċ tal-ġenerali ddeterjora b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu korrispondenti sena qabel.