Lokali

Caritas Malta tirreaġixxi għall-White Paper dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis

L-organizzazzjoni Caritas irreaġixxiet għall-White Paper dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis fejn qalet li taqbel mal-pożizzjoni li jekk persuna tuża l-Cannabis jew dipendenti fuq Cannabis (jew xi drogi oħra) ma tintbagħatx il-ħabs u lanqas ma tiċċappas il-kondotta tagħha.

Madankollu l-organizzazzjoni qalet li meta tqis il-potenzjal ta’ ħsara li tagħmel il-Cannabis, Caritas issaħħaħ il-pożizzjoni ġenerali tagħha li bħala soċjetà għandna nrażżnu l-użu tal-Cannabis ( u drogi oħra) kemm jista’ jkun, nipprevjenu l-popolarizzazzjoni tagħha u naħdmu bla waqfien biex niskoraġġixxu l-użu u ninkoraġġixxu għażla ta’ ħajja sana u wkoll għażliet sani ta’ rikreazzjoni.

Il-White paper tagħmel referenza għall-periklu li ġġorr magħha l-Cannabis u wkoll issemmi l-benefiċju fl-aspett mediċinali. Ir-referenza għall-benefiċċji mill-aspett mediċinali fil-white paper għall-użu personali setgħu sottovalutaw il-periklu u l-effetti negattivi tal-użu tal-Cannabis (mhux l-użu mediċinali).

Dil-white paper tidher li orjentata iktar lejn dawk li jużaw (social users) u inqas lejn il-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli.

Il-white paper tgħid “Bl-ebda mod dil-white paper ma tagħti l-intenzjoni li tinkoraġġixxi, tippromwovi jew b’xi mod ieħor twassal għall-konsum tal-Cannabis” (White Paper paġna 5). Filwaqt li Caritas taqsam dan il-valur komuni, tinsab imħassba li numri ta’ proposti fil-white paper jistgħu jwasslu għal normalizzazzjoni tal-użu tal-Cannabis u involontarjament iwassal għall-iktar użu.

L-iktar żewġ proposti ta’ inkwiet li titkellem dwarhom il-White Paper hu il-pussess bla konsegwenza ta’ 7grammi (li dawn jammontaw għal madwar 21 joint) u l-pussess bla konsegwenza ta’ kultivazzjoni sa 4 pjanti (li jista’ jammonta għal madwar 500gramma kull pjanta). Il-possibbiltà tal-pjanti fid-dar kif ukoll it-tneħħija ta’ kull sanzjoni għall-pussess ta’ 7grammi jista’ jiffaċilità aktar l-użu, jagħti l-impressjoni li l-effetti tal-Cannabis mhumiex serji u perikolużi u jwasslu għall-iktar użu. Iktar ma’ tikber il-faxxa fil-popolazzjoni tagħna li tuża l-Cannabis, ikbar se jkun in-numru ta’ persuni li jsofru konsegwenzi ta’ ħsara.