Coronavirus Lokali

Il-festi esterni aktarx jerġgħu ma jsirux

Minħabba l-kawtela li qed tintalab b’rabta mas-sitwazzjoni tal-pandemija, kollox qed jindika li anke din is-sena, il-Festi Esterni fl-ibliet u l-irħula tagħna mhux se jitħallew isiru. Dan hekk kif il-Gvern mistenni jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Knisja dwar dan, ladarba għadhom mhux permessi l-attivitajiet tal-massa.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed itennu li l-Festi Esterni huma sitwazzjoni fejn jinġabru l-mases u għalhekk, ma jistax ikun li dawn ikunu aċċettati, f’sitwazzjoni fejn il-ġlieda kontra l-pandemija għadha waħda delikata. Min-naħa l-oħra, l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi mistennija jiggwidaw lill-Parroċċi rispettivi biex jagħmlu ċ-Ċelebrazzjonijiet Reliġjużi Interni.

Is-sena li għaddiet – mar-rilaxx tar-restrizzjonijiet fil-bidu ta’ Lulju – laħqu kienu organizzati ftit Ċelebrazzjonijiet Esterni f’għadd ta’ lokalitajiet. Madankollu, każ pożittiv li rriżulta waqt attività esterna ta’ Festa partikolari wassal għal wieħed mill-akbar clusters li żviluppaw matul dawk ix-xhur.

Dwar il-Festi Interni, NET News jinsab infurmat li l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi mistennija jaraw kif dawn jintużaw aktar biex jgħaqqdu lill-komunità lokali. B’hekk, hu mifhum li din is-sena, il-Kurja taċċetta li jsiru ċ-Ċelebrazzjonijiet Reliġjużi ta’ qabel Jum il-Festa, bħat-Tridu, in-Noveni jew il-Kwindiċina, fejn ikun il-każ. Madankollu, s’issa jidher li ma għadha ngħaddiet l-ebda komunikazzjoni uffiċjali dwar dan kollu lill-Parroċċi.

Minħabba l-mod kif l-attivitajiet tal-massa matul is-Sajf tas-sena li għaddiet kienu wasslu biex l-ammont ta’ każi pożittivi splodew ‘il fuq, din is-sena l-Gvern mistenni joqgħod aktar attent ħalli s-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha.

Fil-fatt, il-Ministru tas-Saħħa diġà ddikjara li mhux mistennija jinħarġu permessi għal attivitajiet tal-massa, fosthom parties u kunċerti. Min-naħa l-oħra, l-uniċi attivitajiet kbar li jistgħu jiġu organizzati huma t-tiġijiet – mill-1 ta’ Ġunju – b’għadd ta’ restrizzjonijiet, fosthom li l-mistednin iridu jkunu l-ħin kollu bilqegħda, bl-attendenza mnaqqsa għal 100 persuna fuq ġewwa u 300 persuna fuq barra.