Lokali

Il-Palestinjani f’Malta jridu azzjoni mill-komunità internazzjonali

Fl-aħħar 24 siegħa, il-ġlied fil-Lvant Nofsani kompla jiżdied, b’Iżrael jintensifika l-attakki fuq ir-Reġjun ta’ Gaza, u bil-militanti Palestinjani jibqgħu għal jum ieħor jixħtu r-rokits fuq l-Iżraeliti.

Filwaqt li l-Awtoritajiet Iżraeljani saħqu li s’issa għadhom ma daħlux fit-territorju ta’ Gaza, il-ġlied issokta matul il-lejl  ….b’attakki kemm mill-ajru, kif ukoll mill-art u mill-baħar.

Rapporti fil-media internazzjonali qed jindikaw li s’issa sfortunatament huma 119-il persuna li nqatlu f’Gaza fosthom 31 tifel u tifla filwaqt li tmienja huma l-fatalitajiet f’Iżrael.

Il-President Iżraeljan Reuven Rivlin appella li l-pajjiż jinsab f’xifer gwerra ċivili, bil-Ministru tad-Difiża Benny Gantz jordna rinforz qawwi fil-pajjiż wara li fl-aħħar ħamest ijiem ġew arrestati xejn inqas minn 400 persuna.

Il-vjolenza li d-dinja rat din il-ġimgħa fil-Medda ta’ Gaza hija l-agħar sa mill-2014. U l-Ħamis filgħaxija, l-Iżraeljani stazzjonaw eluf ta’ suldati qrib il-fruntiera mat-territorju ta’ Gaza.

Kmieni l-Ġimgħa filgħodu l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu sostna li l-operazzjoni militari kontra l-militanti Palestinjani tal-Hamas ser tissokta sakemm ikun neċessarju. Dan filwaqt li kelliem għal Hamas insista li lesti jagħtu tagħlima lill-armata Iżraeljana.

Net News tkellem mal-Ambaxxatur Palestinjan f’Malta Fadi Hanania illi faħħar is-sejħa ta’ pajjizna sabiex tonqos it-tensjoni bejn iż-żewġ popli filwaqt li wera solidarjetà sħiħa ma’ ħutu Palestinjani li jinsabu maqbuda f’dan il-ġlied fil-Lvant Nofsani – dan filwaqt li appella għal komunità internazzjonali sabiex tieħu azzjoni kontra t-tbatijiet li għaddej minnhom il-poplu Palestinjan.

Huwa spjega li l-kunflitt u l-vjolenza fiż-żona jistghu jieqfu biss ladarba tinstab soluzzjoni politika, u jkun hemm żewġ stati li jkunu jistgħu jahdmu flimkien.

L-Ambaxxatur sostna li biex jinstab kompromess il-libertà u l-indipendenza tal-Palestina għandha tiġi rikonoxxuta.

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet fl-Ambaxxata tal-Palestina f’Malta, kien hemm preżenti wkoll l-Imam Mohammed El Sadi fejn filwaqt li wera solidarjetà mal-Palestinjani insista li huma qed jissieltu għal arthom. Dan filwaqt li l-attivist Andre Callus mill-Moviment Graffitti saħaq li inuti nsejħu għall-paċi fil-Lvant Nofsani jekk l-ewwel ma nsejħux għall-ġustizzja.

Dan filwaqt li 26 NGO ngħaqdu f’għajta waħda f’ittra sabiex Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea tappella lill-Iżrael sabiex twaqqaf il-ġlied mal-Palestina bil-għan li tiġi mħarsa l-libertà tal-espressjoni.

Intant waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet numru ta’ persuni nġabru barra l-ambaxxata f’għajta favur Palestina ħielsa kif ukoll sabiex jieqaf il-kunflitt li għal dawn l-aħħar snin issarraf fi tbatija enormi għal diversi ġenerazzjonijiet.