Lokali

Il-Partit Laburista jibqa’ ma jridx jieħu pożizzjoni dwar l-abort

Wara 48 siegħa mindu f’pajjiżna reġgħet infetħet diskussjoni dwar l-abort, il-Partit Laburista ħareġ stqarrija xotta li permezz tagħha, baqa’ ma ħax pożizzjoni ċara dwar din it-tema tant sensittiva u importanti.

Il-membri tal-Gvern filfatt qed ikunu skomdi ferm meta ffaċċjati b’domandi dwar dan is-suggett, u l-Ġimgħa kkonfermawlna li minkejja li l-abort reġa’ tqajjem fil-Parlament bil-preżentazzjoni tal-abbozz tad-Deputat indipendenti Marlene Farrugia,  il-Labour għadu qed jiddejjaq joħroġ pożizzjoni cara.

Mistoqsi minn Net News, il-Ministru Silvio Schembri prova jevita li jikkommetti ruħu b’xi mod, billi fakkarna li dan huwa suġġett sensittiv.

Iżda meta tlabnieh jghidilna x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Laburista.. Schembri kien verament skomdu u pprova juża s-sarkażmu biex jevita li jagħti tweġiba.

L-istess mistoqsija għamilniha lill-Ministru tal-Eduazzjoni Justyne Caruana, illi wkoll kkonfermat li l-Partit Laburista kien għad m’għandux pożizzjoni unika, u sa dak il-ħin,  lanqas biss kien għadu ddiskuta l-materja.

Fl-ebda ħin, la l-Ministru Schembri u lanqas il-Ministru Caruana, ma qalulna li l-Grupp Parlamentari tal-Labour kien se jiltaqa’ biex jiddiskuti din il-materja f’xi ħin mal-ġurnata.

U inqas minn sagħtejn wara l-kummenti tagħhom, il-Partit Laburista ħareġ stqarrija fejn qal li aktar kmieni mal-jum kien tlaqqa’  l-Grupp Parlamentari.

Mhux magħruf eżatt x’ħin saret din il-laqgħa, u jekk il-Ministri li kellmuna kinux filfatt preżenti għaliha, madankollu din l-istqarrija kompliet tikkonferma kif il-Labour qed jibqa’ bla pożizzjoni komuni dwar il-qtil tat-tarbija fil-ġuf, u farfar mir-responsabbiltà li jieħu stand bħala Partit fil-Gvern.

Minkejja li l-istqarrija qalet li l-Prim Ministru huwa kontra l-legalizzazzjoni tal-abort, madankollu ma qalitx li d-deputati tal-Gvern għandhom l-istess pożizzjoni.

Din probabbli hija r-raġuni għala l-Labour ma jistax joħroġ stqarrija ċara u unanima favur il-ħajja. Dan kollu b’kuntrast qawwi mal-Partit Nazzjonalista li malli reġgħet infetħet din id-diskussjoni mal-ewwel għamel stqarrija pubblika fejn  b’mod ċar kristall iddikkjara ruħu kontra l-abort u favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem tagħha, xi ħaġa li filfatt tifforma parti mill-istatut tal-Partit.