Il-Partit Nazzjonalista jinsab ferm preokkupat bis-sitwazzjoni li jinsabu fiha il-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin. Dan minħabba li preżentament il-gvern qed iwebbes rasu milli jasal fi ftehim mas-Segretarji Eżekuttivi bin-negozjati għall-pakkett finanzjarju ġdid tagħhom jinsabu wieqfa wara li l-gvern naqas milli jwettaq dak li wiegħed fil-manifest elettorali, dik li ssegretarji eżekuttivi jitpoġġew fi Skala 4 u jingħataw il-benefiċċji kollha marbuta ma’ din l-iskala.
B’rizultat ta dan il-kunsilli lokali Maltin u Għawdxin ma jistgħux jiffunzjonaw, b’detriment ikrah ħafna ghal-istess kunsilli, u kuntratturi u ħaddiema oħra li jaħdmu għall-istess Kunsilli Lokali. Minħabba f’hekk ħafna kuntratturi u ħaddiema, ħafna minnhom self-employed żgħar, mhux qed jitħallsu tax-xogħol li jagħmlu, għaliex huma s-segretarju eżekuttivi flimkien massindki li jiffirmaw dawn il-pagamenti.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jfakkar li s-segretarji eżekuttivi għandhom kariga ta’ importanza
kbira u li flimkien mal-kunsilliera huma l-mutur li jżommu l-kunsilli għaddejjin bix-xogħol tagħhom. L-importanza tal-kariga toħroġ mill-fatt li huma responsabbli mill-governanza tajba tal–istess kunsilli u li jaċċertaw li l-Kunsilli Lokali jimxu mal-liġi.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li qed ipoġġi d-disponibilità kollha tiegħu sabiex jgħin ħalli tinsab soluzzjoni malajr għal din is-sitwazzjoni.
L-istqarrija tal-PN inħarġet minn Karl Gouder, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, Kultura u Żgħażagħ, Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Taħriġ, Kompetittività u Intrapriża u Charles Bonello President Kulleġġ Kunsilliera PN
//= $special ?>