Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma l-libertà proviżorja għall-koppja mixlija li mportat kilo droga bil-posta

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ikkonfermat il-pleġġ mogħti lill-koppja mixlija li mportat kilo droga u għaldaqstant ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali biex jirrevoka il-ħelsien mill-arrest tal-koppja żagħżugħa.

Il-koppja miż-Żurrieq li għandhom problema ta’ droga kienu ngħataw il-libertà proviżorja mill-Maġistrat Josette Demicoli fuq akkużi relrati ma’ importazzjoni ta’ droga sintetika fost oħrajn. Keith Vassallo ta’ 35 sena u martu Maria Cristina Vassallo ta’ 28 sena kienu tressqu separatament wara investigazzjoni li kienet għaddejja għal xi jiem mill-Pulizija.

Il-koppja kienet ġiet immonitorjata mill-pulizija għall-użu tad-droga fejn nhar it-Tlieta d-Dipartiment tad-Dwana rrapporta li kienet interċettat pakkett suspettuż indirizzat lilhom. L-indirizz tal-konsinja droga li wasal minn barra l-pajjiż kien f’isem il-mara.

Il-pulizija segwew il-kunsinna tal-pakkett u mbagħad arrestaw lill-koppja wara li wettqu ‘controlled delivery’ permezz ta’ pakkett ‘fake’, u li dan instab fil-kċina tal-akkużati. Il-pakkett maqbud mid-dwana instab li kien fih madwar kilo ta ’sustanza maħsuba li hija droga sintetika ġdida u tfittxija fir-residenza pproduċiet aktar sustanzi, maħsuba li huma kokaina u eroina. Dwar dan il-każ il-Maġistrat Gabriella Vella għaddejja b’inkjesta.

Ir-raġel ġie mixli b’seba’ akkużi filwaqt li l-mara ffaċċat fil-Qorti tliet akkużi, bit-tnejn jiġu mixlija b’importazzjoni tad-droga u l-pusses li ma kienx għal użu esklussiv tagħhom. Huwa ġew mixlija wkoll li wettqu dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru minn skola, klabb jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Ir-raġel ġie mixli wkoll li sar reċidiv.

Id-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb għamlet talba għal libertà proviżorja tal-koppja, li sabet oppożizzjoni qawwija mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Mercieca u Alfredo Mangion li qalu li l-każ huwa wieħed ta’ ċerta portata, li fadal aktar investigazzjonijiet dwar dan il-każ u l-fatt ukoll li jekk huma jinħelsu, l-ewwel mhuma se jagħmlu hija li se jerġgħu jabbużaw mid-droga.

L-Avukat Franco Debono minn naħa tiegħu qal li x-xhieda li qed isemmi l-prosekuzzjoni hija preservara diġa permezz tal-inkjesta, u li filwaqt li l-mara għandha fedina penali nadifa, r-raġel għandu reati li jmorru lura għal 2017 u mhumiex reati ta’ ċerta portata. Qal li żgur li postu mhux il-ħabs u li l-koppja għandha bżonn ta’ xi forma ta’ għajnuna, fosthom trattament.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża u filwaqt li laqgħet it-talba tat-trattament, laqgħet ukoll it-talba għall-pleġġ bil-kundizzjoni li t-tnejn jiffirmaw kuljum fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq filwaqt li Keith Vassallo jagħmel depożitu ta’ €7,000 u garanzija personali ta’ €16,000 u Maria Cristina Vassallo tiddepożita s-somma ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Il-Qorti tal-Appell qalet li ma kellhiex għalfejn tvarja d-deċiżjoni mogħtija mill-ewwel qorti.