“Kull persuna LGBTIQ+ hija persuna u jien li għandi għal qalbi l-persuni kollha, irrid indaħħal mentalità fejn meta nħarsu lejn kull issue, partikolarment issues LGBTIQ+, naraw verament il-persuna l-ewwel u qabelkollox. Imbagħad jekk hemm dogmi, jekk hemm ideat, hemm ħsibijiet, wieħed irid jibda billi jindirizza li l-ewwel dejjem tiġi l-persuna.”
Stqarr dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, meta kien qed jieħu l-mistoqsijiet tan-nies fuq Facebook ….waqt l-inizjattiva ta’ kull nhar ta’ Ħamis, “Nitkellmu Flimkien”.
“Irridu nifhmu li bħala partit iktar lill-komunità ħalli nkunu verament nistgħu nitkellmu, nissuġġerixxu u anki nilleġiżlaw b’mod mill-aktar li jagħmel sens għal żminijietna”
Minkejja li l-Partit Nazzjonalista kien il-Partit li ġġeieled u daħħal liġijiet li jneħħu d-diskriminazzjoni fuq din il-komunita, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrikonoxxa li l-Partit messu għamel aktar fejn jidħlu l-unjonijiet ċivili bejn koppji tal-istess sess ….u grazzi għall-maturità tal-ħsieb fl-istess Partit, l-Oppożizzjoni wasslet biex ivvutat favur l-emendi għaż-żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess għaliex fehmet ir-realtà ta’ żmienna.
“F’kull qasam, ma nistgħu qatt naħsbu li xi darba wasalna. Jien dejjem ninsisti li l-mument li naħsbu li wasalna, huwa l-mument li nibdew sejrin lura. Anki f’dan il-qasam, irridu nifhmu li rridu nibqgħu dejjem inħarsu ‘l quddiem biex nifhmu s-sinjali taż-żminijiet.”
Il-Kap tal-PN sellem lill-Eżekuttiv tal-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit ghall-ħidma sfieqa fost din il-komunità biex jixxejjnu l-preġudizzji u tkattar l-għarfien:
“Huwa l-għarfien meħtieġ kontinwu, l-edukazzjoni però mhux biss tat-tfal, anki taż-żgħażagħ u tal-adulti, anki adulti kbar li sfortunatament sal-lum għadhom jirreaġixxu u jitkellmu b’ċertu mod li jaħsbu li mhux qiegħed jagħmel ħsara jew li mhux qiegħed iweġġa’ imma jkun qiegħed iweġġa’”
Hawn fakkar f’attakki li saru b’mod aħrax fl-ahhar xhur…. meta mingħalina li mxejjna ‘l quddiem:
“Jekk m’aħniex se nifhmu li kull persuna hu magħmul minn ħafna emozzjonijiet mill-qalb, jekk mhux se nifhmu li għandna bżonn nibżgħu għal xulxin, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali, hu x’inhu x-xogħol tiegħek, hu x’inhu l-passat tiegħek, hu x’inhu l-livell soċjali tiegħek, aħna lkoll persuna u partikolarment fil-komunità tal-LGBTIQ+, żgur li rridu nifhmu li dawn huma persuni daqs kulħadd. Inutli nitkellmu fuq l-ugwaljanza jekk ma nipprattikawhiex fid-diskors.”
Fost il-proposti li ressaq ‘il quddiem biex id-drittijiet ċivili jiġu attwati b’mod ħolistiku, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jindirizza b’serjetà l-gender paygap biex tkopri ukoll lil din il-komunità hekk kif id-diskrepanzi ghadha ta’ 11.6%….. iż-żieda tas-sigurtà tal-komunità fil-pajjiż biex dawn ma jħossuhomx diskriminati u mhedda…. kif ukoll għarfien fost il-ġenituri:
“Tkellmu miegħi persuni li jħossuhom li batew ħafna fil-familja u din mhux xi ħaġa ta’ 20/30 sena ilu imma hija xi ħaġa, li għalkemm fuq livell anqas, għadha reali sallum u għad hawn persuni li għadhom ibatu għal kif titratta magħhom il-familja.”
Il-Kap tal-PN qal li qed jara kif din il-maturità fil-ħsieb tkun riflessa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għaliex huwa partit li jħaddan id-diversità:
“L-ewwel ħaġa huwa Partit li jagħti spazju lid-diversità, it-tieni jifhem li d-diversità tagħti aktar rikezza, issaħħaħ, ittejjeb, tqawwi dak kollu li jkun qed issir f’dan il-Partit, inkluż lid-diskussjoni politika u meta nkunu qed nagħmlu l-policies. (…) Hemmhekk tara kemm id-diversità twassal biex ikollok politika li tagħmel aktar sens attwali u tagħti frott tajjeb. Il-Partit se jkun qed ikompli jaħdem biex mhux biss jilqagħhom, kif dejjem għamel, iżda anki ma jagħlaqx il-bibien fid-diskussjonio ħalli din tkun waħda wiesa’”
Bernard Grech appella għall-aċċess aħjar għall-mediċini għal din il-komunità biex dawn ikunu protetti minn kwalunkwe mard filwaqt, li jsir investiment fir-riċerka biex tixxejjen kemm jista’ jkun id-diskriminazzjoni.
//= $special ?>