Internazzjonali

Irlanda: Attakk ċibernetiku fuq is-servizzi tas-saħħa

Is-servizzi tas-saħħa fl-Irlanda kienu kostretti li jagħlqu lis-sistema tal-IT tagħhom għal żmien temporanju wara li s-sistema spiċċat mira ta’ attakk ċibernetiku sinifikanti magħruf bħala ‘ransomware attack’,

L-Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa f’Dublin sadanittant spjega li ħa l-prekawzjoni biex jagħlaq is-sistema bil-għan li jipproteġiha ‘minn aktar attakki potenzjali u biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jevalwaw aħjar is-sitwazzjoni.’

Ir-Rotunda Hospital f’Dublin, sadanittant, kellu jħassar iż-żjarat tal-outpatients ( pazjenti li jeħtieġu l-kura mill-isptar iżda mingħajr il-ħtieġa li jinżammu hemm) minħabba ‘emerġenza fuq livell kritiku’. Il-kliniċi tal-ġinekoloġija wkoll kellhom iħassru jew jipposponu s-servizzi tagħhom – u fejn kienu provduti biss servizzi urġenti għan-nisa fis-36 ġimgħa tat-tqala.

In-National Maternity Hospital f’Dublin ukoll ammetta dwar ‘taqlib sinifikanti’ fis-servizzi tiegħu matul il-ġurnata. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ kien dovut ukoll ‘għal problema kbira relatata mal-IT’.

Madankollu l- Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa f’Dublin għamilha ċara wkoll li t-tilqim tal-poplu kontra l-effetti tal-Covid-19 kien qed jipproċedi bħas-soltu u ‘skont il-programm stabbilit’. Fl-istess ħin, l-Eżekuttiv talab skuża lill-pazjenti u lill-pubbliku waqt li saħaq li kellu jaġġorna lin-nies dwar is-sitwazzjoni ladarba jirċievi ‘aktar informazzjoni’.