Lokali

Jitwaħħlu ‘speed cameras’ fi Triq il-Kosta – il-multi jibdew jinħarġu mill-24 ta’ Mejju

L-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) lestiet l-installazzjoni ta’ żewġ ‘speed cameras’ fi black spots fi Triq il-Kosta. Għalissa l-‘ispeed cameras’ huma attivati fuq bażi ta’ twissija fejn persuni li tinħarġilhom kontravenzjoni sat-23 ta’ Mejju ser ikunu qegħdin jirċievu biss notifika li qabżu l-limitu ta’ veloċità permessa.

Il-kontravenzjonijiet effettivi jibdew jinħarġu mill-24 ta’ Mejju.

Fi stqarrija, il-LESA qalet li dawn saru wara studji u rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn Inkjesta Maġisterjali.

Permezz ta’ dawn l-‘ispeed cameras’, ser ikun qed isir investiment fis-sigurtà tas-sewwieqa, u b’hekk jiġu evitati inċidenti, li fil-passat sfortunatament ikkawżaw anke fatalitajiet, ittemm l-istqarrija.