Ekonomija Lokali

Kumpanija li kienet imfaħħra mill-Ministru Schembri investigata fuq frodi

Il-kumpanija Binance Holdings Ltd, li fl-2018 l-issa Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat preżentawha b’sodisfazzjon lill-poplu Malti u Għawdxi bħala waħda li kienet se tinvesti sostanzjalment fl-ekonomija Maltija bil-parteċipazzjoni tagħha fil-viżjoni tal-Gvern Laburista waqt li kien qiegħed jippromwovi lil pajjiżna bħala Blockchain Island….issa qed tiġi investigata mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikana b’investigazzjonijiet federali….b’akkużi ta’ frodi.

Rapporti internazzjonali qed jindikaw li uffiċjali li jispeċjalizzaw fit-taxxa u l-ħasil ta’ flus fetħu din l-investigazzjoni fuq din il-kumpanija tal-cryptocurrency wara allegata attività illegali – partikolarment b’rabta ma’ din il-kumpanija bbażata fil-Cayman Islands.

Filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija Changpeng Zhao caħad dawn l-allegazzjonijiet, l-Awtoritajiet Amerikana qed juru t-tħassib tagħhom rigward il-cryptocurrency fejn spjegaw li dan is-suq qed ikun xprun għal tranżazzjonijiet ta’ flejjes maħmuġa fost oħrajn li ġejjin minn bejgħ ta’ drogi u serq.

Fl-2020 kien ġie rrapportat ukoll li kumpanija tal-cryptocurrency Ġappuniża, Fisco, kienet tellgħet il-Qorti lil Binance wara li kienet sofriet hack lura fl-2018 li swiela xejn inqas minn $60 miljun.

Il-kumpanija kienet allegat li wara li nsterqulha 6,000 bitcoin, il-ħallelin bagħtu 1,451 bitcoin lil Binance u insistiet li Binance kienet konxja tal-fatt li l-fondi misruqa kienu mibgħuta lilhom.

Dan kollu huwa tebgħa oħra fuq il-ferneżija tal-hekk imsejħa Blockchain Island li sa ftit tas-snin ilu Gvern Laburista kien qiegħed jippromwovi lil pajjiżna biha.