Internazzjonali

L-Iżraeljani jintensifikaw l-attakki fuq Gaza waqt il-ħames jum tal-konflitt

Il-qawwiet ta’ Iżrael irrankaw l-offensiva fuq il-Medda ta’ Gaza anki waqt li l-militanti Palestinjani ( ibbażati f’Gaza) komplew jisparaw il-missili lejn l-artijiet tal-Iżraeljani. Dan waqt il-ħames jum ta’ konflitt li qed jidher qrib li jiżviluppa fi gwerra totali.

Sadanittant, il-qawwiet tal-ajru u diversi kontinġenti ta’ suldati kienu involuti fl-aħħar attakki fuq Gaza iżda t-truppi ma nfiltrawx l-artijiet ta’ Gaza kontrollati mill-militanti Iżlamiċi tal-Hamas. Madankollu, il-vapuri tal-gwerra u l-artillerija wkoll qed jagħtu sehemhom fil-bumbardamenti tas-siti u kwartieri tal-Hamas fil-Belt ta’ Gaza.

Skont l-aħħar statistika dwar il-vittmi tal-konflitt inqatlu ‘il fuq minn 120 f’Gaza, b’għaxra jitilfu ħajjithom f’Iżrael.

Fl-istess ħin ma waqafx il-ġlied bejn il-gruppi tal-Lhud u Għarab fl-ibliet Iżraeljani, bil-President ta’ Iżrael, Reuven Rivlin iwissi dwar il-probabbiltà ta’ gwerra ċivili. Intant, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Benny Gantz, ordna l-intervent tar-reinforzi għaż-żamma tas-sigrutà fost l-inkwiet li wassal għal mijiet ta’ arresti f’Iżrael.

Il-Pulizija Iżraeljana qalu li l-Għarab residenti f’Iżrael kienu responsabbli mill-parti kbira tal-inkwiet waqt li ċaħdu li ‘huma żammew lura minn azzjoni’ waqt li l-gruppi taż-żgħażagħ Lhud kienu qegħdin jattakkaw lir-residenzi tal-Għarab.

Il-vjolenza ta’ din il-ġimgħa f’Gaza u Iżrael hi l-agħar li r-reġjun qatt għadda minnu mill-2014. L-iżbroff seħħ wara ġimgħat ta’ tensjoni f’Ġerusalemm tal-Lvant u meta fl-aħħar jiem seħħew diversi konfrnti vjolenti bejn Lhud u Musulmani fl-inħawi qrib il-moskea al-Aqsa. Il-militanti tal-Hamas, waqt il-kriżi, bdew jisparaw missili lejn Iżrael u bil-qawwiet Iżraeljani jirritaljaw bl-attakki kontinwi fuq Gaza.

Intant, numru ta’ Palestinjani bħalissa qed jaħarbu miz-zoni ta’ Gaza qrib il-fruntiera ta’ Iżrael minħabba l-biża’ dwar ‘inkursjoni imminenti’ tal-qawwiet Iżraeljani fit-territorju. Dan ukoll fost ir-rapporti dwar ‘xita ta’ balal li niżlet fuq id-djar tal-Palestinjani fil-belt ta’ Gaza u l-madwar.’