Lokali Qorti

Provi biżżejjed biex Surġent akkużat fuq stupru jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Il-Qorti ddikjarat li hemm provi biex uffiċjal tal-pulizija jitpoġġa taħt att ta’ akkuża fuq allegat stupru, wara li semgħet tixhed lill-allegata vittma. Glenn Carabott, Surġent tal-Pulizija ta’ 40 sena kellu wkoll talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda, bil-qorti ssemmi r-riskju li jista’ jbagħbas l-evidenzà.

Carabott jinsab akkużat bi stupru, atti sesswali mhux kunsenswali, li ħa filmat tal-laqgħa mhux kunsenswali, fastidju sesswali u li wettaq reat li huwa kien obbligat jipprevjeni. Meta kien tressaq il-qorti, il-maġistrat Gabriella Vella kienet semgħet kif is-surġent tal-pulizija ntbagħat id-dar tal-allegata vittma biex jinvestiga rapport ta’ serq, iżda minflok stupra lill-mara.

Huwa tressaq il-Qorti x-xahar li għadda u nżamm taħt arrest preventiv. Quddiem il-maġistrat Gabriella Vella xehdet l-allegata vittma permezz ta’ video link, bil-media ordnata tħalla l-awla. Ix-xhieda tagħha għalhekk instemgħet wara bibien magħluqa.

Qabel dan, l-Ispettur John Spiteri esebixxa n-notebook tas-servizz ta’ Carabott li l-pulizija kienu eleveaw mal-arrest tiegħu. Huwa notebook maħruġ lill-uffiċjali tal-pulizija kollha tal-“prime note” tagħhom – noti li huma jniżżlu fix-xeni ta’ xi reat u li fuqhom imbagħad jibbażaw ir-rapporti u x-xhieda tagħhom.

Il-Qorti nnutat applikazzjoni ppreżentata mill-allegat vittma nhar il-Ħamis, li fiha talbet li titħalla tixhed wara bibien magħluqa, fost affarijiet oħra. Il-qorti qalet li huwa pertinenti ħafna li tara d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Vjolenza bbażata fuq is-Sessi u l-Att dwar il-Vjolenza Domestika u fid-dawl tagħhom u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, awtorizzat lill-mara biex tixhed ‘il bogħod minn għajnejn il-pubbliku.

Ingħata ukoll digriet ta ‘prima facie, li jfisser li l-qorti kienet rat evidenza biżżejjed biex tgħid li hemm raġunijiet biex ir-raġel jiġi akkużat. L-Ispetturi John Spiteri u Michael Vella mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Arthur Azzopardi u Charmaine Cherrett kienu avukati difensuri. L-Avukat Rene Darmanin deher parte civile għall-allegat vittma.