Lokali Qorti

Tabib fil-qasam tal-kirurġija jibqa’ barra minkejja l-kwalifiki u l-esperjenza

Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku naqset fil-konfront ta’ tabib li ma ntgħażilx bħala ‘Higher Specialist Trainee’ fil-qasam tal-kirurġija plastika fl-Isptar Mater Dei. Hija naqset fil-konfront tat-tabib Jeffrey Dalli meta laqgħet ir-riżultat tal-Bord tal-għażla f’Ottubru tal-2013 meta huwa kien l-aktar kandidat kwalifikat minn fost dawk kollha li wieġbu għal din is-sejħa.

Il-Qorti qalet li saru żbalji għal mod kif ingħataw il-marki u dawk li ntgħażlu ma kellhomx l-esperjenza ta’ ċerta portata ta’ xogħol u lanqas ma kienu għamlu tiftix fil-qasam tal-kirurġija plastika bħat-tabib Dalli. F’deċiżjoni mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef hija laqgħet t-talba tat-tabib Dalli wara diversi kunsiderazzjonijiet.

Dan ukoll bis-saħħa tal-fatt li huwa għandu kwalifika b’Masters Degree b’distinzjoni mill-Universitata’ Edinburgu, fir-Renju Unit, u b’riċerka fil-kirurġija plastika. Barra minn hekk kellu esperjenza medika f’dak il-qasam wisq aktar milli kellhom il-kandidati l-oħrajn. Il-Qorti nnutat li l-mod kif it-tabib ġie trattat jirrifletti fuq l-imġiba tal-Kummissjoni.

Il-Qorti qalet li tqis li l-Kummissjoni naqset fil-konfront tiegħu meta qieset l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Bord għall-ilment u l-appell imressaq minnu bħala ġustifikati. it-talba tiegħu t-tabib qal li d-Dipartiment tal-Kirurġija fl-Isptar Mater Dei, ma messux ta marki lil dawk li applikaw għal xi kwalifiki li kienu mitluba minn kull min seta’ japplika, iżda messu ta marki għad-differenzi fl-istatus akkademiku tal-kandidati u dan għall-finijiet tal-Public Administration Act u tal-Public Service Management Code.

It-tabib Dalli lmenta kif mexa l-Bord tal-Għażla. L-ilmenti tiegħu huma tlieta. L-ewwel, li l-Bord ta marka x’aktarx għolja għal kwalifika taħt il-kriterju ta’ “additional qualification” meta, din il-marka ngħatat inutilment għaliex mingħajr din il-kwalifika l-applikanti ma setgħux ikunu eliġibbli. Dan wasal biex l-ewwel żewġ applikanti magħżula tpoġġew fuq quddiem bi ħsara għalih.

It-tieni, l-persuni li ntgħażlu ma kellhomx l-esperjenza għolja ta’ xogħol, lanqas ma kienu għamlu tiftix fil-qasam tal-kirurġija plastika bħalu. Tenna li ħadem ma’sptar barra minn Malta fil-qasam kirurġiku għal sena u għandu fil-pussess tiegħu wkoll grad ta’ Masters f’dan il-qasam.

It-tielet, il-Bord naqas li jqis l-esperjenza ta’ ħidma li tiegħu kien kiseb barra minn Malta, kif ukoll li jieħu konsiderazzjoni ta’ tagħlim li kien kiseb minn korsijiet li attenda matul is-snin u, minflok, ġie penalizzat minħabba li ma ressaqx iċ-ċertifikati li juru dan mal-applikazzjoni tiegħu, minkejja li kopja tal-istess ċertifikati ħadhom miegħu waqt l-intervista.

Il-Qorti kkunsidrat li mix-xhieda mressqa u mit-trattazzjoni tal-punti legali mressqa minn Dalli, l-ilment ewlieni huwa marbut mal-għoti u t-tqassim tal-marki mill-Bord dwar il-kwalifika ta’ MRCS (Member of the Royal College of Surgeons).

Dan jgħidu minħabba l-fatt ukoll li din il-kwalifika ġarret magħha l-aktar ammont ta’ marki u li setgħet kienet ta’ ħsara għalih fir-‘ranking’ għall-post. Is-sejħa kienet teżiġi li l-persuni eliġibbli għal din il-ħatra ried ikollhom fil-pussess tagħhom is-Certificate of Completion of Basic Specialist Training (CCBST).

L-Assoċjazzjoni tal-Ispeċjalisti ta’ Malta (ASM), responsabbli mit-taħriġ ta’ tobba, tqis li ċ-CCBST tingħata lil trainee kemm-il darba biss ikun membru tar-Royal College of Surgeons (MRCS) jew ikun f’pussess ta’ kwalifika ekwivalenti. L-ASM tqis l-MRCS bħala “iċċavetta” biex trainee (tabib) javvanza fil-qasam kirurġiku, iżda mingħajrha ma jistax jkollu tali ċertifikat.

Tqis ukoll li trainee ma jistax ikun ippremjat talli “uża ċ-ċavetta”. Min-naħa l-oħra, trainee li jakkwista kwalifiki oħra, għandu jkun ippremjat għal kwalifika bħal dik. Il-Bord tal-għażla jispjega li l-MRCS hija waħda mill-iskaluni li trainee jrid jitla’ biex jista’ jikseb iċ-CCBST.

Fil-fehma tal-Bord, il-kwalifika ta’ MRCS kienet timmerita 15-il marka, u dan bħala għarfien għall-ħidma għolja li trainee ikun wasal fiha. Kemm hu hekk, il-Bord qies l-MRCS fil-livell ta’ grad ta’ Masters, u min kellu Masters lil hinn mill-MRCS, ingħata ħames marki oħra.

Illi l-mistoqsija li allura trid issir hi jekk il-Bord kienx qiegħed jimxi lil hinn mis-setgħat mogħtija lilu mil-liġi jew jekk kienx qed jimxi b’mod irraġonevoli meta fisser u ħaddem il-kriterju ċar tas-sejħa tal-applikazzjonijiet.

Il-Qorti hija tal-fehma li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalifiki u taħriġ, għandha tagħti widen lill-ASM bħala r-regolatur fil-qasam tat-taħriġ. Tqis li dan jirrifletti dak meqjus mill-Public Service Management Code fl-Artikolu, li jispeċifika li l-kwalifiki preżentati minn applikant formanti parti mill-kriterji ta’ eleġibilita skond is-sejħa m’għandhomx jingħataw marki għalihom.

Il-Qorti qieset ukoll li Bord tal-għażla f’sejħa oħra mexa differenti mill-Bord preżenti, u qies li ebda marka ma kellha tingħata lill-applikant għax kellu fil-pussess tiegħu MRCS meta r-rekwiżit meħtieġ fis-sejħa kien għal CCBST.
Dan iwassal biex il-Qorti tqis li l-Bord mexa b’mod żbaljat meta qies l-MRCS bħala kwalifika li timmerita marki, meta tali kwalifika hija parti minn kriterju ta’ eleġibilitali kull konkorrent ried ikollu.

Għar-rigward tat-tieni u t-tielet ilmenti, il-Qorti qalet li ma tarax li għandha s-setgħa tevalwa l-marki li ngħataw mill-Bord. Tqis biss li minkejja li s-sejħa tispjega x’dokumenti kellhom jitressqu mal-applikazzjoni għall-evalwazzjoni tal-Bord, fl-istess ħin, tqis ukoll bħala aġir xi ftit eċċessiv dak tal-Bord li persuna tiġi penalizzata talli dokument ma tressaqx fi stadju bikri meta seta’ jitressaq fi stadju aktar tard u jiġi evalwat xorta waħda.

Illi dan kollu wkoll jirrifletti fuq l-imġiba tal-Kummissjoni. Il-Qorti tqis li l-Kummissjoni naqset fil-konfront tal-attur meta qieset l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Bord għall-ilment u l-appell imressaq mill-attur bħala ġustifikati.

Il-Qorti iżda ma laqgħetx it-tielet talba, li l-Bord naqas li jqis l-esperjenza ta’ ħidma li tiegħu kien kiseb barra minn Malta, l-korsijiet li attenda matul is-snin u, minflok, ġie penalizzat minħabba li ma ressaqx iċ-ċertifikati mal-applikazzjoni tiegħu, minkejja li ħadhom miegħu waqt l-intervista.

Dan għaliex dak li l-attur jitlob fiha jissarraf fit-twettiq mill-Qorti ta’ funzjoni li l-liġi ma tagħtihiex f’azzjoni bħal din ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ għemil amministrattiv. F’azzjoni bħal din, xogħol il-Qorti huwa dak li tara jekk l-għemil amministrattiv sarx sew u, jekk ma sarx kif messu sar tħassru jew tgħid li m jiswiex.

Mhux xogħol tagħha li tagħmel dak li kien messu sar mill-awtorità pubblika mistħarrġa. Għalhekk, il-Qorti astjeniet minn din it-talba. Illi għar-rigward tat-talbiet attriċi marbuta mad-danni, il-Qorti. Dwar danni mitluba, l-Qorti qalet li tqis li dawn li jintalbu taħt l-Artikolu 469A(5) tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta u huma marbutin sfiq mar-responsabbiltà li ġġib fuqha l-awtorita pubblika.

Mhux kull għemil amministrattiv li jinstab li ma sarx sewwa jwassal għall-għoti tad-danni lill-parti mġarrba. Wieħed mir-rekwiżiti mitlub fl-imsemmi sub-artikolu huwa li l-parti mġarrba trid turi li l-awtorita` mxiet magħha b’mala fidi jew inkella b’mod mhux raġonevoli.

Fil-fehma tal-Qorti n-nuqqas imwettaq mill-Bord u mill-Kummissjoni ma kienx il-frott ta’ mala fidi u lanqas ta’ tħaddim irraġonevili ta’ diskrezzjoni. Minn dak li ħareġ mill-provi u mill kunsiderazzjonijiet li l-Qorti għamlet, jidher li dan kien każ fejn ir-riżultat kien żbaljat, minkejja li mhux irraġonevoli.

Minbarra dan, fil-proċess tal-istess sejħa ġenerali, l-attur kien intgħażel għat-taħriġ fil-kirurġija u bl-istess kundizzjonijiet, u għalhekk ma weriex li huwa ġarrab danni f’dak li ġara. Kemm hu hekk fl-atti ma hemm l-ebda provi dwar dan. Għalhekk, il-Qorti ssib li ma huwiex il-każ li tillikwida danni kif mitlub minnu għall-finijiet ta’ din l-azzjoni speċjali.