Għawdex Knisja Lokali

Tħassib mid-Djoċesi Għawdxija dwar l-Abbozz ta’ Liġi biex ikun dekriminalizzat l-abort

Dar Ġużeppa Debono, fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex, esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-Abbozz ta’ Liġi mressaq fil-Parlament Malti dwar emendi fil-Kodiċi Kriminali biex jiġi dekriminalizzat l-abort.

Fi stqarrija, id-Dar qalet li temmen li n-nisa li jwettqu abort għandhom jiġu akkumpanjati aktar milli kkundannati u tippromovi ambjent ta’ mogħdrija, sostenn u għajnuna, mhux biss lill-ommijiet fit-tqala, iżda anke lil dawk li jkunu ġarrbu xi telfa tal-wild, inkluż dawk li jwettqu abort.

Fl-istess waqt, saħqet li l-valur tal-ħajja tal-embrijun/fetu uman fil-ġuf jistħoqqlu jiġi mħares ukoll mil-Liġi. It-tneħħija tar-referenza għall-abort fil-Kodiċi Kriminali, ħlief fil-każ ta’ abort furzat, twitti t-triq għal-leġislazzjoni tal-abort u għal mentalità fejn mhux il-ħajja ta’ kull bniedem hi meqjusa tal-istess valur u dinjità.

Dar Ġużeppa Debono kompliet li d-definizzjoni ta’ “saħħa medika” mogħtija fl-għanijiet ta’ dan l-Abbozz hi ġenerika u tagħti lok għal bosta interpretazzjonijiet, lil hinn mis-sens strett ta’ każi fejn it-tqala tpoġġi f’riskju reali s-saħħa tal-omm u/jew tat-tarbija fil-ġuf. F’każi bħal dawn, il-proċedura medika tkun twieġeb għal każ kliniku delikat, li hu differenti minn abort li jsir għal skopijiet oħra mhux marbuta ma’ periklu reali fis-saħħa fiżika.

Qalet li timpenja ruħha biex tissokta l-ħidma tagħha favur il-ħajja, b’ħarsa ta’ għożża lejn il-ħajja ta’ kull bniedem, tal-mara u tal-ħajja li qed tikber f’ġufha, kif ukoll tal-membri kollha tas-soċjetà msejħa biex iħarsu l-ħajja ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Id-Dar stiednet għal riflessjoni u diskussjoni serja dwar dan is-suġġett, kif ukoll għal impenn aktar konkret f’edukazzjoni fir-relazzjonijiet umani, fejn is-sesswalità tingħax f’ambjent ta’ mħabba u responsabbiltà, kif ukoll tkun promossa kultura li tgħożż il-ħajja ta’ kull persuna.