Lokali

Tħassib mill-Kamra tal-SMEs dwar żidiet sostanzjali fl-ispejjeż għall-importazzjoni mil-Lvant Imbiegħed u t-Turkija

kontejners

Il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji, flimkien ma’ uħud mill-membri tagħha, jinsabu mħassbin għal tibdil li sar fl-industrija tat-trasport bil-baħar minn pajjiżi fil-Lvant Imbiegħed u t-Turkija għax qalu li dan jista’ jkun ta’ tħassib kbir għall-pajjiż.

Il-Kamra ilha għal dawn l-aħħar xhur issegwi mill-qrib dawn l-iżviluppi wara li l-importaturi ġibdulha l-attenzjoni kif, partikolarment minn Jannar li għadda, il-ħidma tagħhom sofriet minn theżżiża qawwija minn dawn il-pajjiżi. Dan hekk kif diversi fatturi li nbiddlu wasslu għal tnaqqis sostanzjali fid-disponibbiltà tal-kontejners u anke żieda sostanzjali fl-ispejjeż.

Iżda filwaqt li dan l-iżvilupp ma jidhirx li laqat biss lil Malta, id-daqqa għal pajjiżna tkun akbar minħabba d-dipendenza li għandu fuq l-importazzjoni u fuq is-settur marittimu bħala Stat-gżira. Fil-fatt, pajjiżna jitqies bħal aktar vulnerabbli u sensittiv f’dan il-kuntest meta mqabbel ma’ Stati oħrajn, fejn l-importaturi għandhom mezzi oħrajn biex iwasslu n-negozju tagħhom.

Mal-Kamra tal-SMEs, l-importaturi spjegaw li r-rekwiżiti l-ġodda qed jikkumplikawlhom ħidmiethom, fosthom bis-somma sostanzjali ta’ flus li qed jintalbu bħala depożitu ħalli jassiguraw spazju għall-importazzjoni. Dan filwaqt li hemm sitwazzjonijiet fejn l-importaturi qed jerġgħu jintalbu anke wara li l-ftehim ikun sar.

Fl-aħħar xhur, l-importaturi ppruvaw jassorbu kemm jistgħu l-ispejjeż ġodda, bit-tama li s-sitwazzjoni tilħaq tissolva. Madankollu, is-sitwazzjoni għalihom issa qed issir mhux sostenibbli, anke għax qed jispiċċaw inaqqsu mill-kompetittività tagħhom jew se jkollhom jgħollu l-prezzijiet.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kamra tal-SMEs ġibdet l-attenzjoni tal-Ministeru għall-Intrapriża, filwaqt li qed tappella lin-negozji li qed jesperjenzaw dawn is-sitwazzjonijiet biex jagħmlu kuntatt magħha.