EURO 2020 Futbol Sport

Ciro Immobile ottimist dwar il-prospetti tal-Azzurri

Ciro Immobile

L-attakkant internazzjonali Taljan ta’ 31 sena, Ciro Immobile jinsab pożittiv u ottimist dwar it-tim nazzjonali Taljan, bi preparazzjoni għall-Euro 2020. L-iskorer prolifiku ta’ Lazio, f’kummenti lill-media f’pajjiżu, qal li hu jemmen li din l-edizzjoni tal-Euro għandha tkun waħda tajba għall-Azzurri u żied jgħid ukoll li biex tim ikun kapaċi jirbaħ dan it-turnament, trid toħloq familja waħda.

Immobile, li dan l-istaġun ma’ Lazio fis-Serie A diġa’ skorja 20 gowl, jemmen li l-kwalitajiet individwali tal-plejers fi skwadra huma importanti, iżda sa ċertu punt għaliex jekk ma jkunx hemm il-kumbinazzjoni t-tajba bejn il-plejers fl-istess tim, dan il-fattur ma jkunx biżżejjed.

Immobile għandu jkun wieħed mill-aktar plejers importanti fit-tim immexxi minn Robert Mancini fil-Euro 2020. Sal-lum, l-eks plejer ta’ Borrusia Dortmund u Sevilla fost l-oħrajn, lagħab 45 darba għall-Italja u skorja 12-il darba.