Coronavirus Lokali

COVID-19: Kien hemm mumenti meta l-awtoritajiet tas-saħħa taw pariri differenti mid-deċiżjonijiet meħuda

Waqt intervista li saret lil Chris Fearne fuq it-televiżjoni tal-Partit Laburista, il-Ministru tas-Saħħa ammetta li kien hemm okkażjonijiet meta l-awtoritajiet tas-saħħa taw pariri lill-Gvern illi kienu differenti mid-deċiżjonijiet meħuda minn Kastilja. Dan għaliex, fi kliem Fearne, “l-esperti tas-saħħa iffukaw biss – kif kellhom jagħmlu – fuq is-saħħa.”

L-esperti tas-Saħħa Pubblika dejjem taw pariri fuq il-parti medika tal-pandemija. U ġieli kien hemm pariri li l-Gvern ma ħadhomx. Hekk stqarr id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne meta lbieraħ kien intervistat fuq l-istazzjon laburista. Fl-intervista, il-Ministru Chris Fearne ammetta li mhux dejjem ħadu decizjonijiet eżatti fil-ġlieda kontra l-pandemija. Iżda stqarr li mexa max-xjenza, u ma jiddispjaciħx. Il-Ministru tas-Sahha ammetta wkoll li fis-Sajf li għadda, il-Gvern fetaħ wisq malajr.

Fil-bidu ta’ din l-intervista, Chris Fearne saħaq li appena beda jinfirex il-virus, fil-bidu tal-2020, kienu jafu li se tkun xi ħaġa serja. Pero, minkejja li kkonferma dan, Fearne fl-ebda ħin ma skuza ruhu ghall-mod kif serrah ras in-nies meta qalilna li l-Gwerra konna rbaħnila.

Intant, Chris Fearne kkonferma li minkejja li n-normalità se tiġi, il-Coronavirus x’aktarx jibqa’ fostna u bħalissa għaddejin diskussjonijiet fuq livell globali biex għas-sentejn li ġejjin, fid-dinja jkun hawn biżżejjed boosters.