Internazzjonali

FILMAT: F’Gaża tiġġarraf binja li fiha kien hemm bosta uffiċċji ta’ midja internazzjonali

Il-kriżi umanitarja fir-reġjun tal-Lvant Nofsani qed tkompli tikber partikolarment wara l-attakki li seħħew matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt u ssoktaw tul il-jum.

F’Ġaża s-Sibt iġġarrfet binja li fiha kien hemm l-uffiċċji ta’ għadd ta’ midja internazzjonali, fosthom tal-Associated Press u tal-Al Jazeera. Il-binja kienet evakwata minn qabel, peress li l-avjazzjoni Iżraeljana wissiet li se twettaq dan l-attakk.

Infatti, f’filmat li tpoġġa fuq il-media soċjali l-binja ta’ al-Jala, li kienet tinsab fil-qalba tal-Gaża, tidher tiġġarraf f’ħakka t’għajn.

Skont l-aħħar informazzjoni internazzjonali matul din il-ġimgħa nqatlu mal-20 mara u 31 tifel u tifla fl-isparar li għaddej bejn iż-żewġ naħat.

Iżrael qed jissokta bl-attakki fuq postazzjonijiet tal-militanti Hamas, filwaqt li minn Gaza qed ikunu sparati numru kbir ta’ rockets lejn bliet Iżraeljani.

Kien hemm rapporti li f’attakk fuq kampijiet tal-immigranti fin-naħa ta’ fuq tal-Medda ta’ Gaza nqatlu 10 persuni, fosthom 8 itfal.

Fl-aħħar sigħat ukoll l-Eġittu għażel li jgħin liċ-ċittadini ta’ Gaża hekk kif bagħat 10 ambulzani u numru ta’ ħaddiema tas-saħħa biex jgħinu lil midruba. 

Dawn l-avvenimenti qed ikunu meqjusa bħala l-agħar kunflitt f’dan ir-reġjun sa mill-2014.