Futbol Sport

Gowl brillanti ta’ Tielemans jagħti rebħa sorpriża lil Leicester City fuq Chelsea

(Ritratt: EPA)

Gowl stupend skurjat fit-63 minuta mill-midfielder Belġjan Youri Tielemans kien biżżejjed għal Leicester City biex jaċċertaw mir-rebħ tal-FA Cup għall-ispejjeż ta’ Chelsea li daħlu għal dan il-konfront f’Wembley Stadium bħala l-favoriti assoluti. Ir-rebħa tfisser li Leicester gawdew is-suċċess finali f’din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba fil-137 sena li ilu mwaqqaf il-klabb u wara li huma kienu tilfu erba’ darbiet fil-finali. Intant, forsi l-aktar fattur li spikka f’din il-finali kienet l-attendenza ta’ 21,000 spettatur f’Wembley li bla dubju kienet l-akbar folla li qatt assistiet għal avveniment sportiv fir-Renju Unit mill-bidu tal-pandemija tal-coronavirus. L-istess avveniment, sadanittant, kompla jikkonferma li l-pajjiż qed ikompli javviċina n-normalità wara xhur mill-aktar diffiċli. Chelsea – li jinsabu wkoll fil-finali taċ-Champions League – bdew il-logħba fuq l-attakk iżda sabu d-difiża tal-Foxes, immexxija tajjeb ħafna minn Kaspar Schmeichel, f’burdata formidabbli u mal-ħin bdiet tagħlaq dejjem aktar l-ispazji għal Mason Mount u Timo Werner. Madankollu, Schmeichel xorta waħda kien impenjat tul il-logħba u kellu jwettaq numru ta’ saves – b’mod partikulari fuq it-tentattivi ta’ Mason Mount u Hakim Ziyech. Madankollu, Leicester ukoll kienu perikolużi bil-kontra-attakki veloċi u fejn l-attakkanti Vardy u Iheanacho kienu ta uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża tal-Blues.

Il-logħba saret aktar kumbattuta fl-ewwel minuti tat-tieni taqsima iżda fit-63 minuta wasal il-mument deċiżiv meta TIELEMANS ittanta xortih b’xutt li ma jaħfirx u bil-ballun jispiċċa fix-xibka minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Kepa biex isalva. Minn dak il-ħin, Chelsea żiedu l-isforzi tagħhom u fejn kellhom il-parti kbira tal-pussess mingħajr ma jkunu daqstant perikolużi. Iżda l-aktar mument drammatiku tal-logħba kellu jasal fl-aħħar ħinijiet meta Chelsea dehru li kisbu d-dro fuq awtogol ta’ Wes Morgan wara li l-ballun kien ħabat miegħu fuq il-clearance ta’ Caglar Soyoncu. Iżda wara konsultazzjoni mal-VAR kien deċiż li l-plejer ta’ Chelsea Ben Chilwell (ex Leicester) kien marġinalment offside waqt l-azzjoni, bil-‘gowl’ ma jkunx ikkonvalidat. Minn dak il-ħin, Chelsea tilfu kull tama li jsalvaw ir-riżultat, bil-Foxes jikkontrollaw il-bqija tal-logħba sat-tmiem qabel il-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet għal dan is-suċċess storiku.