Lokali

Il-Pulizija kkonkludiet li m’hemm ebda każ x’jitressaq kontra Toni Bezzina

Il-Pulizija kkonkludiet li m’hemm ebda każ x’jitressaq kontra d-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina u għalhekk m’hemm lok għall-ebda akkuża fil-konfront tiegħu dwar xgħolijiet li saru f’Każin tal-Partit Nazzjonalista lura fl-2012.

Net News jinsab infurmat li Illum kemm il-Perit Toni Bezzina kif ukoll l-Avukati tiegħu Joe Giglio u Alex Perici Calascione, ġew infurmati mill-pulizija fi ħdan il-Financial Crimes Unit, li l-investigazzjoni li kienet qed issir fil-konfront tad-Deputat tal-PN, dwar allegat korruzzjoni ġiet konkluza. Il-Pulizija spjegaw li mill-investigazzjoni, ma rriżulta li saret ebda tip ta’ korruzzjoni u m’hemm ebda lok li jittieħdu proċeduri ulterjuri fil-konfront ta’ Toni Bezzina. Filfatt, il-konklużjoni finali tal-korp tal-pulizija, tgħid li dan il-każ hu kompletament magħluq.

F’reazzjoni għal din l-aħbar, permezz ta’ post fuq Facebook, Toni Bezzina qal li jinsab sodisfatt li s-sewwa rebaħ u li din ir-rebħa tas-sewwa xejnet it-tentattiv minn xi wħud biex tiġi attakkatta l-kredibilita’ tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq Facebook, ftit wara li ħarġet din l-aħbar, il-Kap tal-PN Bernard Grech stqarr li qed jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li t-tentattivi biex tigi attakata l-kredibbiltà ta’ Toni Bezzina u tal-PN llum sfumaw fix-xejn. “Iktar ma jippruvaw jimminawna biex idgħajjfu l-ħidma tagħna iktar isaħħuna.”, qal Bernard Grech.

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li wera s-sodisfazzjoni tiegħu għal din l-aħbar, nnota b’sodisfazzjon li t-tentattivi minn xi wħud, inkluż tal-Partit Laburista, biex tiġi attakata l-kredibilitá tad-deputat Toni Bezzina u tal-Partit Nazzjonalista sfumaw fix-xejn.